Fl-aħbarijiet tal-bieraħ fil-għaxija, bħal dawk ta’ drabi oħra, smajna rappurtaġġ ta’ dak li qalu l-Prim Ministru u l-Kap tal-Opposizzjoni fuq ir-radju tal-partit. Għax bħalissa l-prietka ta’ nhar ta Ħadd issir minn fuq ir-radju mhux minn ġol-każin.
Mill-aħbarijiet, bħas-soltu, uħud jaħsbu li jeżistu biss il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista f’dan il-pajjiż.
Fil-passat Alternattiva Demokratika kellha liċenzja għal radju żgħir bi frekwenza biex ixandar fil-komunità. Imma madwar għaxar snin ilu, fiż-żmien li Harry Vassallo kien imexxi lill-AD, dan ir-radju kien tneħħa. Storja twila. Kien żmien ukoll illi Alternattiva Demokratika firxet ħarsitha lejn liċenzja tax-xandir bit-TV. Il-proċess iżda ma kienx kompla. Il-limitazzjoni tar-riżorsi żammewna milli nimxu l-quddiem. Ir-riżorsi nieqsa ma kienux biss dawk finanzjarji.
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali (2013) Alternattiva Demokratika kisbet 5,506 voti, 1.8% tal-voti validi mitfugħa fl-ewwel għadd tal-voti. Dan kien bla dubju avvanz fuq il-voti miksuba fl-elezzjoni ġenerali preċedenti (2008) meta inkisbu 3,810 (1.31%) fl-ewwel għadd tal-voti. Imma ċertament li ma kienx biżżejjed. L-anqas kif żviluppaw l-affarijiet: għaċ-ċaqlieq kbir ta’ voti li kien hawn Alternattiva Demokratika kisbet ftit wisq voti anke jekk żiedet fuq l-elezzjoni tal-2008.
Uħud iwaħħlu fis-sistema elettorali għal dan ir-riżultat. Imma jekk irridu nkunu onesti, anke b’sistema elettorali differenti, b’5,506 voti ftit hemm ċans li tikseb riżultat differenti. Dan qed ngħidu biex inżomm saqajja mal-art, mhux għax m’hemmx fejn tkun imtejba u rranġata s-sistema elettorali.
Bla dubju hawn ħafna iktar minn 5,506 persuna bil-vot f’Malta u Għawdex li jaqblu mal-valuri u l-prinċipji li tirrappresenta Alternattiva Demokratika. Fil-parti l-kbira tagħhom ma nilħquhomx għax m’aħniex organizzati biżżejjed biex nilħquhom. Dan imur lil hinn minn nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji. Essenzjalment huwa dipendenti fuq nuqqas ta’ persuni li jistgħu jiddedikaw iktar mill-ħin liberu tagħhom biex Alternattiva Demokratika torganizza ruħha aħjar ħalli l-messaġġ tagħha jilħaq iktar nies.
Presentement inwasslu l-messaġġ tagħna bi stqarrijiet għall-istampa, b’konferenzi tal-aħbarijiet u b’artikli fil-gazzetti u dan apparti mill-kuntatti personali kontinwi li jkollna kemm fil-lokalitajiet differenti kif ukoll mal-korpi kostitwiti u l-membri tagħhom.
Dan mhux biżżejjed meta tqis li l-partiti politiċi l-kbar għandhom TV, radju u gazzetti għad-disposizzjoni tagħhom. Apparti li jagħmlu użu minn ta’ ħaddieħor ukoll!
Tul l-aħħar sentejn, u forsi ftit iktar ukoll, bdew jinvolvu ruħhom f’Alternattiva Demokratika numru ta’ żgħażagħ li qed jagħmlu ħidma utli ħafna u qed ikunu ta’ għajnuna kbira biex il-messaġġ ikompli jinfirex. Dan kien pass il-quddiem imma hemm bżonn iktar, ħafna iktar, għax il-ħidma li teħtieġ li ssir hi kbira ħafna.
Mhux biżżejjed li jkollok programm elettorali tajjeb u kandidati tajbin. Jekk ma tkunx organizzat tajjeb, dan mhux biżżejjed.
Il-mira tagħna bħala Alternattiva Demokratika hi li nkunu rappresentati fil-Parliament biex immexxu l-quddiem l-ideat u l-idejali tagħna. Biex naslu hemm irridu naqdfu ħafna iktar milli qdifna sal-lum.
Trid tagħti daqqa t’id?