Il-Freeport : il-ħmar iwaħħal f’denbu!

MEPA Board April 2013

Matul dawn il-ġranet kienu ppubblikati diversi artikli b’kummenti dwar id-deċiżjoni li ħa l-Gvern u kkomunikata mill-Prim Ministru li mhux għaqli li l-Port Ħieles jitħalla jikber fid-direzzjoni ta’ Birżebbuġa minħabba l-impatti fuq ir-residenti.

Id-deċiżjoni hi waħda tajba imma ………………. tfisser li l-awtoritajiet li wassluna sa dan il-punt m’għamlux xogħolhom sewwa. B’mod partikolari l-MEPA li repetutament ħadet deċiżjonijiet mingħajr ma qieset sewwa l-impatti fuq in-nies, residenti f’Birżebbuġa.

Sentejn ilu, f’April 2014, il-MEPA kienet anke ddeċidiet li tagħti permess biex isiru xogħolijiet ta’ tiswija żgħira ta’ vapuri u oilrigs fil-Port Ħieles. Deċiżjoni li kienet wasslet għal dikjarazzjoni pubblika kuntrarja minn Joseph Muscat.

Quddiem dan kollu hemm mistoqsija waħda: kemm ser idumu jinħatru dawn it-tip ta’ nies fit-tmexxija tal-awtoritajiet jekk m’humiex kapaċi jmexxu? Għax dawk magħżul sal-lum ftit li xejn għandhom sensittività dwar kif dak li huma ser jiddeċiedu dwaru jeffettwa lir-residenti.

Dawn min jagħżilhom? Mhux kollha bil-barka tal-Prim Ministru jintagħżlu? Hemm xi cans li jintagħżlu persuni aħjar? Forsi ma nibqgħux bil-ħmar iwaħħal f’denbu!