Il-Freeport : tagħlima kbira

BBugia. two Mayors

Jekk Simon Busuttil  inħasad, jiena xejn ma kont sorpriż bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li huwa ma jaqbilx li l-Port Ħieles jibqa’ jespandi fid-direzzjoni ta’ Birżebbuġa. Dan għaliex osservajt id-deċiżjoni tinbena biċċa biċċa. Kultant b’sogru kbir għal dawk involuti.

Forsi l-iktar mument kritiku kien meta l-Bord tal-MEPA kien iddiskuta emenda għall-permess ambjentali tal-Port Ħieles u dan il-Bord kien ivvota fil-maġġoranza kbir tiegħu favur din l-emenda. Ħlief tlieta: iż-żewġ membri Parlamentari (Joe Sammut u Ryan Callus) u r-rappreżentant tal-NGOs ambjentali Alex Vella tar-Ramblers Association.

L-emenda kienet biex ikun permess fil-Port Ħieles xogħol żgħir ta’ tiswija ta’ vapuri u oilrigs! Il-Kunsill ta’ Birżebbuġa dakinnhar kien għamel lobbying qawwi kontra l-emenda, imma din xorta kienet approvata mill-Bord tal-MEPA.

Imma wara l-laqgħa tal-Bord tal-MEPA qamu l-irwiefen kollha. Ir-residenti semmgħu leħinhom b’mod mill-iktar ċar u irnexxielhom joħolqu diskussjoni mqanqla anke fil-Partit Laburista tant li wasslu lil Joseph Muscat biex b’mod ċar jgħid fil-pubbliku illi hu ma kienx jaqbel mad-deċiżjoni li kien ħa l-Bord tal-MEPA. Kien iddikjara publikament li kien jaqbel mal-vot kontra (fil-Bord tal-MEPA) tal-Membru Parlamentari Laburista Joe Sammut, inċidentalment li jirrappreżenta lid-Distrett li minnu jifforma parti Birżebbuġa fil-Parlament. Eventwalment minħabba r-reażżjoni pubblika l-Port Ħieles ma baqax jinsisti għall-permess li kien kiseb għal xogħol ta’ tiswijiet minuri fuq vapuri u oilrigs.

Wara dan l-inċident jidher li kompla id-dibattitu fil-Partit Laburista li wassal għad-deċiżjoni li n-nies f’Birżebbuġa jixirqilhom li jkunu mħarsa mill-impatti tal-Port Ħieles ħafna iktar milli kienu sal-lum.

Jiena naħseb li dan huwa punt importanti ħafna u l-mertu għalih huwa prinċipalment tal-Kunsilliera Laburisti fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa: fuq quddiem nett is-Sindku tal-lum, Kevin Barun, imma ukoll Joseph Farrugia ir-Ricky li bħala l-ewwel Sindku ta’ Birżebbuġa ħejja t-triq illi wasslet għal din id-deċiżjoni.

Imma issa huwa importanti li din ma tkunx biss rebħa ta’ Birżebbuġa. L-effetti tagħha jeħtieg li jinfirxu billi minnha l-Partit Laburista jieħu tagħlima kbira: il-konsiderazzjoni tal-impatti fuq in-nies ta’ kull proġett ta’ żvilupp (hi x’inhi n-natura tiegħu) hija fundamentali daqs, jekk mhux iktar, mill-konsiderazzjonijiet ekonomiċi.

Ikun tajjeb li naraw jekk u kif din it-tagħlima ser tkun applikata tul ix-xhur li ġejjin. Taqbida bejn is-saħħa tan-nies u s-saħħa tal-flus.

ippubblikat ukoll fuq iNews : l-Erbgħa 27 ta’ Lulju 2016