L-awtoritajiet lil min jiddefendu?

planning authority

 

Huwa sinjal ħażin meta l-għaqdiet ambjentali ikollhom il-ħtieġa li jmorru l-Qorti biex iħarsu l-ambjent. Għax dan minnu innifsu jfisser li l-istituzzjonijiet ma jnisslux fiduċja. Ifisser li l-għaqdiet ambjentali jidhrilhom li l-istituzzjonijiet li għandhom l-inkarigu tal-ħarsien ambjentali jew tal-ippjanar m’għandhomx widnejn li kapaċi jisimigħu.

Dan mhux xi ħaġa ġdida. Ilna biha s-snin.

Meta l-għaqdiet ambjentali riċentement marru l-Qorti dwar il-bini għoli propost għal Tignè u l-Imrieħel huma marru għax għad ma sarux studji bizzejjed biex jgħarblu l-impatti ta’ dan it-tip ta’ bini. L-impatti fuq in-nies, primarjament. Għax l-impatti ekonomiċi bla dubju ġew miflija bil-lenti.

Jidher li fil-Qorti ntqal li l-istudji li qed jilmentaw dwarhom l-għaqdiet ambjentali kienu waħda mill-materji li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar kellu l-ħsieb li jinvestiga kieku ma kienx miżmum milli jiltaqa’ bil-proċeduri legali tal-għaqdiet.

Ma nafx jekk dan huwiex tad-daħq jew tal-biki.

Hemm numru mhux żgħir ta’ persuni impjegati fl-Awtorità tal-Ippjanar. Uħud minnhom f’karigi maniġerjali u eżekuttivi bl-inkarigu propju li jaraw li l-istudji neċessarji jkunu saru jew qed isiru. Bl-inkarigu jiġifieri li jaraw li l-awtorità jkollha f’idejha l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tagħmel xogħolha sewwa.

Kien ikun ħafna aħjar kieku t-tmexxija tal-Awtorità tal-Ippjanar tassigura ruħha li ma jkunx inkoraġġit żvilupp qabel ma bħala pajjiż  inkunu ppreparati għalih u għall-impatti tiegħu. Imma l-awtorità sfortunatament ma taħdimx hekk. Għalhekk hemm ħafna mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba. Sakemm nibqgħu bla tweġibiet ser ikun ifisser li l-impatti tal-iżvilupp ta’ bini għoli fuq in-nies għadu mhux studjat biżżejjed.

In-nies huma inkwetati għax qed jifhmu dejjem iktar li l-awtoritajiet m’humiex tarka tagħhom imma huma tarka tal-industrija tal-bini u tas-suq tal-propjetà. Din hi l-problema rejali tal-awtoritajiet.

Għax il-ħarsien tal-ambjent fl-aħħar ifisser ħarsien tal-kwalità tal-ħajja tan-nies u mhux il-ħarsien tas-suq.