Il-kumment ta’ Joseph Muscat il-bieraħ waqt il-konferenza ta’ Ernst & Young li huwa [jiġifieri li l-Gvern immexxi minnu] jippreferi li l-Port Ħieles itejjeb l-effiċjenza tiegħu flok ma jespandi kien kumment addattat.
B’dan il-kumment issa ġie jaqbel ma Alternattiva Demokratika f’xi ħaġa oħra. Għax kif għidna bosta drabi aħna ta’ Alternattiva Demokratika l-Port Ħieles huwa viċin wisq in-nies u m’huwiex fl-interess tar-residenti ta’ Birżebbuġa li jibqa’ jespandi. Diġa l-Port Ħieles għandu impatt qawwi fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti: bit-tniġġiż li joriġina mill-ħsejjes, bit-tniġġiz li joriġina mid-dwal qawwija kif ukoll bl-impatti sostanzjali fuq il-bajja. Huwa importanti li dawn l-impatti jonqsu mhux jiżdiedu.
Bid-dikjarazzjoni tiegħu Joseph Muscat qed jaċċetta dan kollu. Prosit. Pass kbir il-quddiem favur il-komunità ta’ Birżebbuġa. Fl-aħħar nista’ ngħid li mhux Alternattiva Demokratika biss qed tisma’ l-karba tan-nies!
L-aħħar punt: mhux il-Port Ħieles biss qiegħed inaqqas il-kwalità tal-ħajja tan-nies ta’ Birżebbuġa. Issa daqt ikollna ukoll it-tanker tal-gass. Imma dwar dan ma naqblux. Tkellimna dwaru fil-passat u jkollna l-opportunità li ngħidu iktar fil-futur.