Sa fl-aħħar

Standards in Public Life Bill

 

Mela fl-aħħar, il-lejla, l-Parlament ta’ Malta għandu fuq l-aġenda bħala l-ewwel item l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-imġieba fil-ħajja pubblika. Wara li dan l-abbozz ilu lest iktar minn sentejn hu ġustifikat li ngħidu “about time”. Jew forsi “aħjar tard milli qatt”!

Ir-rapport finali tal-Kumitat Magħżul kien ippreżentat lill-Parlament nhar l-24 ta’ Marzu 2014. Xahrejn wara, nhar l-20 ta’ Mejju, l-abbozz ta’ Liġi imsejjaħ Att tal-2014 dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika ingħata l-ewwel qari fil-Parlament. Wara, nhar il-15 ta’ Lulju 2014 kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern u tqiegħed fuq l-agenda tal-Parlament fejn għandu hemm sal-lum!

L-abbozz ta’ liġi jfittex li joħloq l-istrutturi meħtieġa biex ikun possibli li jkunu investigati imġieba li ma tkunx kompatibbli mal-liġi inkella man-normi etiċi minn persuni fil-ħajja pubblika. Il-moniteraġġ ser ikun vestit f’kumitat parlamentari permanenti kif ukoll f’Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li jinħatar bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-voti tal-membri parlamentari.

Il-leġislazzjoni proposta ser tapplika għal żewġ kategoriji ta’ persuni fil-ħajja pubblika: il-Membri Parlamentari (inkluż il-Ministri, s-Segretarji Parlamentari u l-Assistenti Parlamentari) kif ukoll dawk impjegati fis-settur pubbliku minħabba li jgawdu l-fiduċja tal-politiċi, dawk li ħafna drabi nirreferu għalihom bħala li qegħdin “in a position of trust”.

L-abbozz jinkludi edizzjoni aġġornata tal-Kodiċi tal-Etika applikabbli għall-membri parlamentari kif ukoll għall-Kodiċi l-ieħor applikabbli għall-membri tal-Kabinett imma ma jinkludix il-Kodiċi tal-Etika applikabbli għad-Diretturi maħtura fuq awtoritajiet, korporazzjonijiet jew korpi parastatali li kien oriġinalment ippubblikat madwar ħamsa u għoxrin sena ilu. L-abbozz l-anqas ma jgħidilna dawn il-persuni ta’ fiduċja kif ser ikunu regolati!

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ser ikun jista’ jinvestiga allegazzjonijiet dwar imġieba mhux etika kif ukoll dwar il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet tad-dħul u l-assi li jagħmlu l-Membri Parlamentari, u l-membri tal-Kabinetti jew dawk impjegati f’posizzjoni ta’ fiduċja u dan skond kif jistabilixxu l-Kodiċi tal-Etika inkella r-regoli li jsiru taħt l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.

Għalkemm l-abbozz huwa avvanz fuq il-qagħda attwali xorta hemm ħtieġa ta’ titjib sostanzjali fil-proposti li fih l-abbozz. Fosthom huwa neċessarju li jidħlu għall-ewwel darba miżuri li jirregolaw il-lobbying illi jsir tal-politici f’laqghat kemm formali kif ukoll informali. Regolamentazzjoni illi tista’ issir b’diversi modi.

Imma l-abbozz jinjora l-lobbying kompletament u ma jippruvax jirregolah.

Huwa essenzjali li issa l-Parlament ma jkaxkarx saqajh u li l-abbozz ikun approvat b’emendi fl-iqsar zmien possibli.

Kien hemm diversi kazi u ċirkustanzi matul dawn l-aħħar sentejn li setgħu jkunu investigati kieku liġi ta’ din ix-xorta kienet teżisti. Huwa għalhekk essenzjali illi l-abbozz ikun imtejjeb u approvat u li fl-qasir żmien jinħatar il-Kummissarju ghall-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Għandu jkun emfasizzat li l- Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika għandu l-inkarigu li jinvestiga mhux biss l-imġieba tal-Membri Parlamentari u l-Ministri imma ukoll, kif jipproponi l-istess abbozz, l-imġieba tal-persuni ta’ fiduċja li nħatru mill-amministrazzjoni. Huwa mehtieg li anke dawn jirrealizzaw illi anke huma jeħtieġ li jagħtu kont ta’ egħmilhom.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s