Huwa tajjeb li l-bieraħ il-Gvern Malti u l-Opposizzjoni fil-Parlament qablu illi fil-każ Brexit Malta għandha tfittex dak li hu fl-interess nazzjonali.
Ħadd ma għandu interess li jfittex l-interess nazzjonali Malti ħlief il-politiċi Maltin. La r-Renju Unit, la l-Ġermanja, la Franza u l-anqas l-Italja u insomma ħadd iktar ħliefna.
Diġa rajna tul is-snin kif il-parti l–kbira tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropeja bdew jagħtu ftit każ ta’ Malta meta bdew ġejjin f’sitwazzjoni simili, bħal per eżempju fil-każ tal-immigranti Sirjani. Konna ilna s-snin nitkellmu dwar il-ħtieġa li kulħadd jerfa’ sehmu. Imma anke issa li intlaqtu pajjiżi oħra ukoll għadhom mexjin bil-mod wisq.
Wara l-paroli vojt fil-prietki ta’ tmiem il-ġimgħa fil-każini politiċi, l-bieraħ kien mument ta’ ħafna kliem sabiħ. Naraw kif jiżviluppaw l-affarijiet fil-ġimgħat li ġejjin, fis-siegħa tal-prova!