Brexit : issa x’imiss?

downing-street

L-istennija dwar dak li ser jiġri fir-Renju Unit wara r-riżultat tar-referendum qed tikber.

Bla dubju jista’ jkun hemm impatt ekonomiku qawwi, inkluż telf ta’ impiegi. Fil-qasam finanzjarju b’mod partikolari hu stmat li jistgħu jintilfu sa’ 70,000 impieg  matul it-tnax-il xahar li gejjin, unikament minħabba r-riżultat tar-referendum.

X’ser jiġri ser ikun jiddependi ħafna minn min jirbaħ l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv Ingliż. Michael Gove u Theresa May diġa iddikjaraw illi jekk jirbħu huma għandhom ta’ l-inqas sal-aħħar tas-sena biex jibdew il-process tat-tluq mill-Unjoni Ewropeja. Dan ifisser li kemm Gove kif ukoll May iridu jimxu b’mod kawt. Min-naħa l-oħra, kandidata oħra għat-tmexxija konservattiva, Andrea Leadsom iddikjarat illi jekk eletta hi tattiva mill-ewwel il-proċeduri stabiliti fl-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Liżbona.

Dewmien ma jfissirx biss effetti negattivi. Imma jfisser ukoll il-possibilità li dawk li qed jirreżistu li jkun hemm negozjati qabel mar-Renju Unit idabbar rasu jerġgħu jaħsbuha. In-negozjati mmedjati jistgħu jkunu kruċjali. Għax kif ġustament ikkummenta l-ex-Prim Ministru Laburista Ingliz Tony  Blair il-bieraħ, hu possibli li l-opinjoni pubblika terġa’ taħsibha hekk kif ikunu magħrufa l-kundizzjonijiet tat-tluq.

Hi posizzjoni fluwida ħafna, li, sakemm ma jiġrix xi ħaġa straordinarja, ser tibqa’ hekk sakemm jinħatar Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit.