Simon Busuttil qed jiżbalja bl-ikrah meta qed jipproponi li deċiżjonijiet dwar żvilupp fl-ODZ ikunu jirrikjedu l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.
Minn meta l’hawn il-Partit Nazzjonalista bidel il-posizzjoni tiegħu dwar rwol dirett tal-politiku f’deċiżjonijiet tal-ippjanar? Safejn niftakar jiena l-emfasi kategorika tal-Partit Nazzjonalista dejjem kienet li l-politiku għandu joqgħod il-bogħod minn involviment dirett f’deċiżjonijiet tal-ippjanar. Issa Simon Busuttil qed jgħid eżattament bil-maqlub. Il-fatt li issa mhux qed jipproponi li jkun il-Ministru waħdu iżda li jkun il-Parlament kollu (b’maġġoranza ta’ żewġ terzi) li jiddeċiedi ma jagħmilx il-proposta waħda tajba. Izda jagħmel il-froga waħda ikbar.
L-iżvilupp fl-ODZ m’għandux isir imma ċertament m’għandux ikun il-politiku li jieħu deċiżjonijiet dwar dan. Għax ir-raġunijiet li fuqhom trid tkun ibbażata d-deċiżjoni m’għandhex tkun waħda politika. Għandhom ikunu konsiderazzjonijiet ambjentali u dawk tal-ippjanar l-uniċi konsiderazzjonijiet validi. U l-ebda żewġ terzi tal-Parlament ma jistgħu jagħmlu dawn il-konsiderazzjonijiet.
Is-soluzzjoni hi waħda u sempliċi: ħallu lill-professjonisti ambjentali u tal-ippjanar jagħmlu xogħolhom u tippruvawx tivvintaw metodi ġodda biex tiġġustifikaw l-indħil tal-passat u tagħtuh forma ġdida.
Fl-ODZ ħafna drabi mhux ġustifikat li jsir l-iżvilupp imma, x’ifisser dan għall-agrikultura, għas-sajd, u għall-ħarsien tal-kosta? Safejn hu permissibli li ċċaqlaq pompi tal-petrol eżistenti lil hinn mill-abitat? U xi ngħidu dwar il-fabbriki tal-logħob tan-nar? Dawn fl-ODZ iridu jkunu.
Il-Parlament ċertament li la hu kompetenti illum u l-anqas ma hu ser ikun kompetenti għada biex jieħu dawn id-deċiżjonijiet.
Simon Busuttil għandu bżonn jifhem li jeħtieġlu jdaħħal f’moħħu darba għal dejjem li hu neċessarju li jħalli lil professjonisti tal-ambjent u tal-ippjanar jagħmlu xogħolhom mingħajr indħil jew pressjoni. Bir-riċetta ġdida tiegħu għal indħil fejn ma jesgħux, Simon Busuttil ser jagħmel iktar frejjeġ mill-predeċessuri tiegħu. Il-probelma hi li Simon Busuttil m’għandu lil ħadd madwaru biex jiftaħlu għajnejh, għax dawk li jħokku spalla ma spalla miegħu ukoll qed jakkumulaw esperjenza fil-frejjeġ.
Il-politiku għandu jillimita ruħu biex ifassal il-politika (policy) u jħalli lill-awtoritajiet immexxija minn persuni serji biex jimplimentawha.
ara ukoll fuq dan il-blog : ODZ u l-Parlament