Gasan irid iktar

traffic congestion

 

Joe Gasan għandu negozju tal-karozzi, apparti jiġifieri l-iżvilupp ta’ Townsquare f’Tas-Sliema u l-business venture tal-power station tal-gass…………..

It-Times illum tirrapporta li skond Joe Gasan it-taxxa ta’ registrazzjoni tal-karozzi hi għolja wisq, l-għola fl-Ewropa jgħid. Minħabba f’din it-taxxa mhux qed ibiegħ karozzi kemm jixtieq. Għax irid ibiegħ iżjed, s’intendi biex jagħmel iktar business.

It-Times tirrapporta lil Joe Gasan jgħid li t-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi għandha tonqos. B’hekk il-karozzi jkunu jiswew inqas u jkun jista’ jbiegħ iżjed. Ovvjament mhux hu biss ………….. għax hemm l-oħrajn ukoll. Fosthom dawk li ġieli jbagħbsu l-emissjonijiet tal-karozzi.

Pajjiżna ma jiflaħx iżjed karozzi fit-toroq. Diġa għandna wisq. Meta tqabblu ma pajjiżi oħra għandna ħafna. F’artiklu li kont ktibt xi sena ilu kont spjegajt kif fit-toroq tagħna għandna madwar 122,000 karozza żejda.

Dawn il-karozzi żejda m’humiex ser jonqsu mil-lum għal għada. Pero żgur li mhux ser jonqsu billi nibnu l-flyovers u billi niftħu iktar toroq. Jonqsu biss jekk pajjiżna jirnexxielu jkollu trasport pubbliku effiċjenti – li s’issa għad m’għandux, avolja sar titjib.

It-trasport pubbliku effiċjenti huwa l-unika soluzzjoni għat-traffiku ma jispiċċa qatt. Għax bi trasport pubbliku effiċjenti n-nies waħedha tirrealizza li m’għandhiex bżonn il-karozzi ………… la dawk ta’ Gasan u l-anqas oħrajn.

Imma sadanittant, sakemm naslu biex ikollna trasport pubbliku effiċjenti Gasan u sħabu jibqgħu jeqirdu.

Advertisements