It-tradizzjoni politika Ewropeja, li f’kull partit politiku jkun hemm mhux biss min jaħseb b’moħħu imma, iktar minn hekk li jkun hemm min jitkellem ċar fil-pubbliku, għad ma rabbietx l-egħruq fil-fond f’pajjiżna. Kieku dan seħħ, il-ħajja politika f’Malta forsi hi ftit aħjar.
Minflok politiċi li jitkellmu ċar, għandna l-parabboli ta’ Varist li waqt li l-opinjoni pubblika qed tiffoka fuq il-Panama jippreferi jikkritika l-imġieba tal-Professur Bannister inkella li jitkellem dwar xi stedina għal fenkata f’razzett fin-nofsinnhar tal-pajjiż. Messaġġ għal min irid jifhmu, imma ferm il-bogħod minn dak mistenni minnu.
Jiena nitkellem ma membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra. Wieħed minnhom, min-naħa tal-Gvern, riċentement qalli li Marlene Farrugia għaġġlet meta rriżenjat għax kieku stenniet ftit kienet issib appoġġ mhux żgħir mill-backbench.
Iva, wara l-istorja faċli tgħid x’seta ġara, kieku …………… nitkellmu ċar u mhux bil-parabboli.
Imma dan ma ġarax b’kumbinazzjoni għax tajjeb li niftakru li Joseph Muscat ħaseb minn kmieni biex jassigura ruħu li jkun jista’ joħnoq id-dissens fil-grupp parlamentari biex jipprova jevita dak li ġralu Lawrence Gonzi.
Id-daqs kbir tal-Kabinett (l-ikbar fl-istorja) kif ukoll l-inkarigi lil prattikament il-backbench kollu (min Chairman hawn u min konsulent hemm) huma fost il-miżuri intenzjonati minn kmieni biex id-dissens ikun regolat. Pero minkejja dan, il-grupp parlamentari laburista xorta kellu diskussjoni imqanqla dwar il-Panama Papers. Kien hemm min, bil-bibien magħluqin ħass li seta jkun kritiku ta’ kif saru l-affarijiet u diversi talbu r-riżenji ta’ Konrad u Keith. Il-kuraġġ tal-ftit instema imma ma kienx biżżejjed. Kellhom il-kuraġġ imma illimitaw ruħhom għall-kritika interna, li hi neċessarja ukoll.
S’issa d-dissens fil-Partit Laburista hu limitat għall-kritika interna u għall-parabboli ta’ Varist. Żewġ passi l-quddiem imma mhux biżżejjed biex tinkiseb lura l-kredibilità.