Id-dekan tal-fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta huwa rappurtat mit-Times online (fl-2013) li qed jgħid illi l-istipendji għamlu żmienhom. Jidhirlu li l-flus li illum nonfqu fl-istipendji huma meħtieġa għar-riċerka u għall-laboratorji.
Il-ġlieda għall-istipendji għamilniha snin ilu u ħadd ma għandu d-dritt li jipprova jdawwar l-arloġġ lura. L-istipendji huma neċessità u servew tul dawn l-aħħar tletin sena biex wasslu lejn l-edukazzjoni terzjarja ħafna iktar żgħażagħ illi mingħajr l-istipendji kienu jintilfu u ma jitħarrġux. Bis-saħħa tal-istipendji mxejna l-quddiem, imma mhux biżżejjed. Hemm min, sforz iċ-ċirkustanzi tal-ħajja li jiffaċċja huwa u familtu għandu ħtieġijiet li l-istipendju ma jistax jissodisfa.
L-istipendji għaldaqstant jeħtieġu li jiżdiedu u mhux li jonqsu.
Dan ma jfissirx li ma hemmx ħtieġa ta’ iktar fondi għar-riċerka. Anke dan hu neċessità.
Ikun tajjeb għad-dekan tal-fakultà tal-Inġinerija li jħares il-quddiem u mhux lura.