Kull rigal li jirċievi persuna fil-politika huwa intenzjonat biex jinfluwenza, fis-sens wiesa’ tal-kelma, u dan irrispettivament mill-valur. Anke l-oġġetti ta’ bla valur jew dawk b’valur insinifikanti huma intenzjonati biex jinfluwenzaw. Issa l-influwenza intenzjonat bl-għoti ta’ diary, jew biro inkella xi flixkun inbid jew xi xarba alkoholika oħra hi bla dubju differenti minn l-influwenza b’lift f’jet privat għal partita futbol fi Spanja.
L-affarijiet żgħar li jingħataw huma ħafna drabi iktar riklami milli rigali u l-iskop tagħhom ikun wieħed ta’ nota ta’ introduzzjoni jew inkella ta’ apprezzament. Imma l-biro, id-diary u l-flixkun inbid biż-żmien jikbru ftit ftit u jsiru ikla, hampers u affarijiet oħra ukoll. Ħafna drabi t-tixħim ma jkunx f’moħħ min jagħti “token”, l-anqas f’min jagħti xi ħaġa iktar sostanzjali bħal hamper. Niftakru forsi li fis-settur privat ħafna drabi dan hu l-mod kif jingħad grazzi lil klijenti li jiġġeneraw ħafna xogħol. In-nies tan-negozju mhux dejjem jirrealizzaw li l-prattiċi tagħhom, għalkemm validi għalihom, għandhom sinifikat u implikazzjoni differenti meta applikati fis-settur pubbliku
Niftakar lil sid il-jet privat li kien stieden lil Tonio Fenech miegħu sa Spanja biex jaraw partita futbol kien qal lil waħda mill-gazzetti li ma kellux bżonn jistenna l-partita futbol biex jiltaqa’ ma Tonio Fenech. Seta jagħmel appuntament miegħu meta ried, mingħajr l-iċken diffikulta. Kien korrett. Għalih ma kellu l-ebda sinifikat li ta’ lift lil Tonio Fenech.
Dakinhar ħadd ma qal li Tonio Fenech kien ixxaħħam bil-lift fuq il-jet privat. Imma Tonio Fenech xorta għamel ħażin bħalma kien għamel ħażin Lawrence Gonzi li għalih ukoll kien qiesu ma ġara xejn. Aċċetta rigal meta kien ipprojibit milli jagħmel dan mill-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.
Il-mod kif żviluppa l-każ ta’ Dr Joe Cassar dwar ir-rigali (karozza u CCTV) riċentement kien għal kollox differenti. Cassar inqabad bis-sunnara mingħajr ma nduna. Li l-Kap tal-Opposizzjoni ħa passi kien posittiv imma mill-Opposizzjoni ma ħtieġlu l-ebda sforz partikolari għal dan. Ovvjament qed jipprova jerġa’ jibni l-kredibilità li l-PN tilef meta kien fil-Gvern.
Ma neskludix li hemm kazijiet oħra li s’issa għadhom ma rawx id-dawl tax-xemx. Huwa importanti li meta dawn il-kazijiet tifaċċaw ikollna l-għodda lesta biex tkun tista’ issir l-investigazzjoni meħtieġa. Kien għal dan l-iskop li sentejn ilu Kumitat Magħżul tal-Parlament wara diskussjoni twila ħejja abbozz ta’ liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Imma jidher li l-volontà politika hi nieqsa għax dan l-abbozz għadu pendenti wara li għaddew sentejn.
L-iżbalji saru, u jibqgħu isiru. Li m’għandniex huwa r-rimedji.