Issa x’imiss …………… wara l-apoloġija ta’ Konrad Mizzi

Konrad Mizzi 101

F’Malta, l-iskandlu tal-Panama ilu għaddej minn Frar, madwar għaxar ġimgħat kontinwi. Tul dawn l-għaxar ġimgħat ħarġet l-informazzjoni dwar żewġ kumpaniji fil-Panama li għandhom il-Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri magħruf bħala l-Kasco.

L-apoloġija ta’ Konrad nhar l-Erbgħa fil-Parlament kienet l-aħħar pass s’issa. Imma tajjeb li niftakru dak li ntqal matul dawn il-ġimgħat għax hemm kuntrasti interessanti.

Fil-bidu kien qed jingħad b’insistenza li Konrad ma għamel xejn ħażin.

Mument importanti kien fil-bidu tax-xahar t’April meta ħarġet l-aħbar li fil-grupp Parlamentari tal-Partit Laburista kien hemm diskussjoni imqanqla dwar l-iskandlu. Diversi Ministri u membri parlamentari insistew (bejn erba’ ħitan) li Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco kellhom jirriżenjaw.

L-aħbar ħarġet fil-pubbliku bħalma ħarġu l-ismijiet ta’ uħud minn dawk li kienu qed jinsistu għar-riżenja. Evarist Bartolo, Godfrey Farrugia u Alfred Sant tkellmu b’mod ċar fil-pubbliku li Konrad Mizzi kellu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u jirriżenja.

Anke Edward Scicluna tkellem fil-Parlament dwar il-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet iebsa u malajr. Kulhadd jirrikonoxxi li l-fatt li dawn il-Ministri/Membri tal-Parlament tkellmu b’dan il-mod kien pass kbir il-quddiem. Kienet xi ħaġa mhux tas-soltu.

Bosta ġustament qed jistaqsu għaliex dawk fil-Partit Laburista li tkellmu favur ir-riżenja ma ivvutawx favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja imressqa minn Marlene Farrugia. Ma naħsibx li jkun ġust li wieħed jgħid li dawn kellhom nuqqas ta’ kuraġġ. Huwa essenzjalment realiżmu politiku li wara li kellhom il-kuraġġ li jimxu kontra l-kurrent ma rnexxilhomx jaslu t-triq kollha. Irnexxilhom “biss” iwasslu lill-Partit Laburista jimxi biċċa mit-triq.

Jidher li kien hemm kompromess intern fil-Partit Laburista matul ix-xahar t’April. Dan il-kompromess hu wieħed interessanti għax bħala riżultat tiegħu  Konrad Mizzi ma baqax jgħid li ma għamel xejn ħażin, anzi talab skuża (anke jekk din kienet waħda imqanżha). Riżultat ta’ dan il-kompromess intern jidher li hemm qbil fil-partit laburista li “l-ħtija ta’ Konrad hi waħda żgħira” u allura l-kastig għandu jkun wieħed hekk imsejjaħ “proporzjonali”: għalhekk Ministru bla portafoll u riżenja minn Deputy Leader tal-Partit Laburista. Dan l-argument ċar joħroġ min-numru ta’ diskorsi li saru nhar l-Erbgħa fil-Parlament. B’mod partikolari minn Joseph Muscat u Edward Zammit Lewis.

Ċertament li mhux biżżejjed. Imma naħseb li hu pass il-quddiem għal dawk fil-grupp parlamentari laburista li għamlu rebħa żgħira li jistgħu jibnu fuqha fil-futur. Wasslu lill-partit laburista biex jaċċetta li hemm ħtija li trid tintrefa’. Dan hu mertu tal-opinjoni pubblika li ċaqalqet lill-Partit Laburista mill-egħruq.

Kif kelli l-opportunità li ngħid fuq dan il-blog diversi membri tal-grupp parlamentari laburista huma konxji li “s-skiet tal-Partit Laburista quddiem it-taħwid tal-Gvernijiet tas-snin 70 u 80 kienet raġuni ewlenija li kkundannat lill-partit għal 25 sena fl-Opposizzjoni.” Għalhekk Konrad Mizzi ġie mġiegħel jagħmel apoloġija. Għalhekk tneħħa minn Deputy Leader. Għalhekk tneħħewlu r-responsabbiltajiet diretti. Biex ta’ l-inqas il-Partit Laburista jagħti messaġġ simboliku.

Imma l-messaġġ simboliku mhux biżżejjed. Imma xorta hu pass li jikkuntrasta mac-ċaħda totali li kienet il-posizzjoni oriġinali tal-Partit Laburista.

Huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-ewwel u b’mod ċar.

L-ewwel pass hu dejjem tajjeb. Imma qatt ma hu biżżejjed.

Sadanittant l-iskandlu tal-Panama jibqa’ miftuħ beraħ sakemm ta’ l-inqas jirriżenjaw għal kollox Konrad Mizzi u Keith il-Kasco Schembri. Il-ħidma trid tibqa’ għaddejja sa ma naslu.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s