Il-Partit Laburista hu inkwetat.
Id-diskors ta’ Godfrey Farrugia, Edward Zammit Lewis u Evarist Bartolo l-lejla fil-Parlament, fil-fehma tiegħi juri l-polz veru tal-Partit Laburista.
It-tlieta esprimew l-ikwiet li għandhom li l-każ tal-Panama qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiż. Godfrey Farrugia kien emottiv ħafna għax fir-realtà jaf li qiegħed f’morsa. Edward Zammit Lewis ipprova jappella għar-raġuni għax skontu Konrad Mizzi diġa ħallas ta’ egħmilu.
Varist Bartolo min-naħa l-oħra irrifletta fuq id-diskrepanza bejn dak li jiġi pprietkat u pprattikat. L-issue, emfasizza Varist hi waħda ta’ moralità pubblika. Ilkoll kemm aħna, qal Varist, jeħtieġ li naħdmu iktar biex l-etika fil-ħajja publika trabbi egħruq iktar fil-fond.
Il-mozzjoni l-lejla mhux ser tkun approvata. Imma nemmen li dan hu dibattitu li għamel il-ġid lill-pajjiż. L-istorja definittivament mhux ser tieqaf il-lejla.
Hu tajjeb li fil-Partit Laburista hemm min qiegħed jinkwieta dwar il-ħtieġa li nagħtu iktar każ tal-moralità pubblika. Irridu nibqgħu nżidu l-pressjoni. Hekk biss titnaddaf il-politika.