Jason Micallef dwar it-toqba

Jason Micallef 0105

 

Jason Micallef li kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, sakemm Joseph Muscat iddeċieda li jabolixxi l-kariga, ma tantx jogħmod kliemu. Il-bieraħ fuq facebook kiteb li f’Jum il-Ħaddiem għandna niftakru f’dawk li jaqilgħu l-għixien tagħhom b’xogħolhom. F’dawk li joħolqu u jkattru x-xogħol.

Imma din is-sena, jgħidilna, hi ħasra li l-1 ta’ Mejju “jinsab imtappan mill-egoiżmu sfrenat ta’ min jinsab bla xaba’ fil-kilba bla qies għall-flus u l-poter li jwassluh f’sitwazzjoni egoċentrika tal-untouchable anke meta  jkun taqqab il-vapur b’detriment għall-kaptan u l-passiġġieri ġenwini li jkun ilhom fuq il-vapur fil-bnazzi u l-maltemp.”

Fi ftit kliem it-toqba fil-vapur hi waħda ikkawżata “mill-kilba bla qies għall-flus u l-poter”.

Dak li jiġri meta wara iktar minn 8 ġimgħat min mexa ħażin ma tneħħiex. Wieħed għadu Ministru (bla portafoll) u l-ieħor baqa’ kap tas-Segretarjat tal-uffiċċju tal-Prim Ministru.

It-toqba tal-kredibilità qed tikber.