Evarist Bartolo u l-politika tal-iskalora

skalora

Bħalissa qed naqraw fil-gazzetti l-argumenti li qed iġib Evarist Bartolo dwar il-posizzjoni taċ-Chairman tal-Awtorità dwar is-Servizzi Finanzjarji (MFSA)  l-Professur Joe Bannister. Varist qed isostni li l-involviment ta’ Bannister f’hedge fund fil-gżejjer Cayman hu konflitt ta’ interess li minħabba fih Bannister ma messux qiegħed jokkupa l-posizzjoni  sensittiva ta’ Chairman tal-MFSA.

Il-Professur Bannister isostni li diġa ta l-ispjegazzjonijiet tiegħu ħames snin ilu, li ġew aċċettati minn Lawrence Gonzi u Joseph Muscat.

L-attakk ta’ Varist Bartolo f’dan il-mument, fl-opinjoni tiegħi, mhux daqstant attakk fuq il-Professur Bannister. Bannister huwa fil-mument l-aħjar medium għal Varist biex jiffoka fuq ir-responsabbiltà kollettiva tal-Kabinett bl-użu ta’ lingwaġġ li bih ma jkunx imdarras il-Laburist.

L-attakk reali hu kontra r-resistenza ta’ sħabu fil-Kabinett biex jiftħu għajnejhom dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri. Resistenza li minħabba fiha m’humiex jirrealizzaw il-gravità tas-sitwazzjoni li timmerita rizenja immedjata ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco, inkella t-tkeċċija tagħhom.

It-Times tal-lum fil-fatt tirrapporta lil Varist jgħid “One sees someone defending somebody else, mentioning seriousness and principles, and then one finds that there are personal obligations and that the two are doing very well together.”

Dan Varist jgħidu fil-kuntest tal-kritika tiegħu indirizzata lejn il-Professur Joe Bannister. Il-mira reali iżda, fil-fehma tiegħi, hi Joseph Muscat u d-difiża li Muscat qed jagħmel lil Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco.

Din hi l-politika tal-iskalora li biha l-Gvern ta’ Joseph Muscat filwaqt li jiddefendi lil min mexa ħażin qiegħed, fl-istess ħin, kontinwament, ikanta favur is-serjetà fit-tmexxija imma mhux jirrealizza li qiegħed kontinwament jegħreq, imdawwar bl-iskalora. U kif qallu l-professur l-ieħor, Simon Busuttil, fl-iskalora diffiċli jsalva mill-għarqa.