L-istorja tat-Times illum dwar il-bejgħ ta’ parti sostanzjali mill-Air Malta lil Etihad Airways tal-Emirati Għarab Magħquda ilha ġejja.
Wara l-privatizzazzjoni parzjali tal-Enemalta issa jmiss il-privatizzazzjoni parzjali tal-Air Malta. It-tnejn minn partit politiku li meta kien fl-Opposizzjoni dejjem tkellem kontra l-privatizzazzjoni imma meta jkun fil-Gvern jinsa’ kollox. Għamilha fl-Enemalta u issa jmiss lill-Air Malta.
Matul il-ġimgħat li ġejjin jibdew ħerġin l-ewwel dettalji tat-tibdil li jridu jwettqu l-Etihad Airways fil-mod kif topera l-linja tal-ajru, u l-impatt ta’ dan it-tibdil fuq il-ħaddiema tal-Air Malta. Il-komunikazzjoni tal-proposti ser ikun eserċizzju interessanti. Imma iktar minn hekk ser tkun interessanti r-reazzjoni tal-Unions rikonoxxuti.
Ovvjament il-Unions ser jirreaġixxu skond il-proposti li jippreżentawlhom. Imma frankament mhux qed nimmaġina proposti ta’ żieda fil-pagi u fl-allowances u l-anqas titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Ser ikunu żminijiet interessanti fejn ser inkunu nistgħu naraw il-konsistenza (jew in-nuqqas tagħha) tal-protagonisti.