Hekk naħseb. Il-mozzjoni tal-bieraħ kienet ħin moħli. Għax minħabba l-aritmetika parlamentari, l-mozzjoni tal-Kap tal-Opposizzjoni qatt ma setgħet tilħaq l-iskop tagħha, jiġifieri li ġġiegħel lil Joseph Muscat jaġixxi.
F’dawn iċ-ċirkustanzi Joseph Muscat jaġixxi biss meta jkun politikament dahru mal-ħajt. Dejjem hekk għamel.
It-terminu responsabbiltà politika ma jeżistix fil-vokabolarju ta’ Joseph Muscat .
Fil-fatt ir-rapport tal-inkjesta li wassal għat-tkeċċija ta’ Manwel Mallia kien għamel dan il-kumment:
“In konnessjoni ma dan il-każ issemma l-konċett tar-responsabbilta’ Ministerjali …………………………………… Wieħed jinnota li dan il-konċett ta’ sikwit jiġi invokat mill-politiċi li jkunu fl-Opposizzjoni, iżda dawn malajr jinsewh appena huma jkunu fil-Gvern.”
(paġna 11 tar-rapport tal-inkjesta dwar ix-xufier ta’ Manwel Mallia)
Bil-mozzjoni ta’ sfiduċja ma tistax tasal, ġaladarba l-matematika parlamentari hi dik li hi.
Tista’ tasal biss billi tkompli tissensibilizza l-opinjoni pubblika. Huwa riżultat ta’ dan biss li kellna diversi esponenti Laburisti li tkellmu favur ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi [Alfred Sant, Evarist Bartolo, Godfrey Farrugia]. Huwa ukoll minħabba f’hekk li kien hemm diskussjoni imqanqla fil-grupp parlamentari laburista li għalkemm ma wasslitx għar-riżenja tat avviż ċar li hemm grupp li jinkludi numru ta’ Ministri anzjani li lesti li jitkellmu. S’issa illimitaw ruħhom għad-dibattitu intern.
Li kien hemm pożittiv fid-diskussjoni tal-bieraħ fil-Parlament hu li ħadd ma kellu l-kuraġġ li jiddefendi lil Konrad …………. l-anqas Joseph Muscat. Għax il-messaġġ qiegħed jasal.