Il-mozzjoni ta’ Simon ……………. ħela ta’ ħin?

Simon Busuttil 11

 

Hekk naħseb. Il-mozzjoni tal-bieraħ kienet ħin moħli. Għax minħabba l-aritmetika parlamentari, l-mozzjoni tal-Kap tal-Opposizzjoni qatt ma setgħet tilħaq l-iskop tagħha, jiġifieri li ġġiegħel lil Joseph Muscat jaġixxi.

F’dawn iċ-ċirkustanzi Joseph Muscat jaġixxi biss meta jkun politikament dahru mal-ħajt. Dejjem hekk għamel.

It-terminu responsabbiltà politika ma jeżistix fil-vokabolarju ta’ Joseph Muscat .

Fil-fatt ir-rapport tal-inkjesta li wassal għat-tkeċċija ta’ Manwel Mallia kien għamel dan il-kumment:

“In konnessjoni ma dan il-każ issemma l-konċett tar-responsabbilta’ Ministerjali …………………………………… Wieħed jinnota li dan il-konċett ta’ sikwit jiġi invokat mill-politiċi li jkunu fl-Opposizzjoni, iżda dawn malajr jinsewh appena  huma jkunu fil-Gvern.”

(paġna 11 tar-rapport tal-inkjesta dwar ix-xufier ta’ Manwel Mallia)

Bil-mozzjoni ta’ sfiduċja ma tistax tasal, ġaladarba l-matematika parlamentari hi dik li hi.

Tista’ tasal biss billi tkompli tissensibilizza l-opinjoni pubblika. Huwa riżultat ta’ dan biss li kellna diversi esponenti Laburisti li tkellmu favur ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi [Alfred Sant, Evarist Bartolo, Godfrey Farrugia]. Huwa ukoll minħabba f’hekk li kien hemm diskussjoni imqanqla fil-grupp parlamentari laburista li għalkemm ma wasslitx għar-riżenja tat avviż ċar li hemm grupp li jinkludi numru ta’ Ministri anzjani li lesti li jitkellmu. S’issa illimitaw ruħhom għad-dibattitu intern.

Li kien hemm pożittiv fid-diskussjoni tal-bieraħ fil-Parlament hu li ħadd ma kellu l-kuraġġ li jiddefendi lil Konrad   …………. l-anqas Joseph Muscat. Għax il-messaġġ qiegħed jasal.

Quddiem il-ħmieġ ma tistax tiċċassa

 new parliament building Malta2

Kelliemi wieħed wara l-ieħor min-naħa tal-Membri Parlamentari Laburisti ħassew il-ħtieġa li jfakkruna li huma solidali mal-Prim Ministru fid-dibattitu tal-bieraħ fil-għaxija fil-Parlament, huma u jiddiskutu l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern.

Dawk li hu magħruf illi internament kienu kritiċi tal-mod kif aġixxa l-Gvern (u l-Partit Laburista) gidmu ilsienhom u minflok dak li qalu internament, daqqew diska oħra b’melodija iktar addattata. Favur il-Gvern, imma ukoll bi ftit inċens għas-serjetà.

Il-Membri Parlamentari tan-naħa tal-Gvern ħadu d-deċiżjoni politika li b’risposta għall-mozzjoni ta’ sfiduċja jsemmu lista twila ta’ affarijiet li għamel il-Gvern. F’numru min dawn il-każi, bla dubju, għandhom raġun. Imma d-diskussjoni ma’ kienitx dwar jekk il-Gvern għamilx tajjeb fid-diversi miżuri li ħa [hemm bosta tajjeb, bħalma hemm ukoll il-ħażin] imma dwar kemm għamel ħażin meta baqa’ tmien ġimgħat ċass fil-każ tal-kumpaniji li Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco rriżulta li għandhom fil-Panama.

Ħadd fil-Parlament ma iddefenda dak li għamlu Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco. Anzi, Evarist Bartolo qal li mhux biżżejjed li dak li jsir ma jkunx bi ksur tal-liġi imma jeħtieġ li jkun ukoll sewwa. It-tmexxija, żied Varist trid tkun ukoll permezz tal-eżempju. Kumment li irrefera għalih ukoll Joseph Muscat li żied jgħid li n-nies kienu jistennew aħjar. Imma ma tantx instema konvinċenti Joseph Muscat, għax ma tantx jidher li jemmen dak li kien qed jgħid.

Ma kien hemm l-ebda sorpriża la fil-mod kif tkellmu l-Membri Parlamentari u l-anqas fir-riżultat tal-votazzjoni. Fost id-diskorsi li kien fihom x’tomgħod, kien hemm dawk ta’ Marlene Farrugia, ta’ Louis Grech u ta’ Mario de Marco. Marlene tkellmet mill-qalb. Louis u Mario appellaw għas-sens komun u għar-rieda tajba. Imma sfortunatament ma hemmx rieda tajba.

Fl-ebda ħin ma ippretendejt lil dawk fost il-Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern li ma jaqblux mal-imġieba ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco kienu ser ipoġġu ruħhom fuq l-artal tas-sagrifiċċju billi jivvutaw kontra l-Gvern. Il-kontribut tagħhom qed jagħtuh bil-għaqal mod ieħor. S’issa għadhom ma waslux imma għad jistgħu jaslu fil-futur.

L-istorja naturalment ma tieqafx hawn. Għax min hu serju ma jiċċassax quddiem il-ħmieġ. Imma hemm l-obbligu tattiku li jinstab l-iktar mument addattat, mument li ċertament għadu ma wasalx, għax in-numri għad m’humiex hemm! Hu mument li jista’ jasal meta jikber in-numru ta’ dawk li jirrealizzaw internament fil-Partit Laburista illi l-indeċizjoni biex jiffaċċjaw ir-realtà twassal għal konsegwenzi gravi kemm għall-pajjiż kif ukoll għall-partit.

Esperjenza li ta’ qabilhom diġà iffaċċjaw u wasslithom għal 25 sena fl-Opposizzjoni.  Matul dawn it-8 ġimgħat li għaddew il-Partit Laburista jidher li qabad l-istess triq. Diġà hu tard pero għad baqa’ ftit ċans li jibdel ir-rotta. Għalkemm diġà saret ħafna ħsara li mhux faċli li tissewwa.