Nhar it-Tnejn li ġej, fil-Parlament, ser jiddiskutu mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern. Hi l-mozzjoni numru 322, mressqa mill-Kap tal-Opposizzjoni, dwar il-kriżi attwali kkawżata mid-dokumenti li ħarġu mill-Panama li l-Opposizzjoni issejħilha “kriżi ta’ korruzzjoni”.
Li l-Gvern mexa ħażin ma għandi l-ebda dubju. Kellhom jittieħdu passi tmien ġimgħat ilu dwar il-“kriżi” u ma sar xejn s’issa.
Imma kemm hu korrett li jingħad li din hi “kriżi ta’ korruzzjoni”?
Fil-bidu nett, meta faqqgħet il-kriżi, l-unika informazzjoni pubblika kienet dwar il-ħolqien ta’ kumpaniji fil-Panama għall-Konrad Mizzi, Ministru, u Keith Schembri (il-Kasco) Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Iktar tard sirna nafu li kien hemm kumpanija oħra lesta biex titwaqqaf għal persuna oħra li ismu għadu mhux magħruf.
Mill-informazzjoni li ħarġet s’issa sirna nafu li Keith Schembri ried jinvesti fir-riċiklaġġ fl-India u fir-remote gaming. L-informazzjoni dwar x’ried jagħmel Konrad Mizzi mhux ċara għax hemm biss il-kelma tiegħu li l-kumpanija fil-Panama riedha biex tamministra l-ġid tal-familja. Hekk ta’ l-inqas qal li kien il-parir li tawh, u mexa fuqu. Għalkemm dak li qal Konrad Mizzi la jagħmel sens u l-anqas ma jitwemmen, s’issa ma ħarġet l-ebda informazzjoni oħra li tagħti verżjoni differenti jew li tikkuntrasta ma dak li qal hu. Bl-assi li iddikjara li għandu Konrad Mizzi ma jagħmilx sens li tmur il-Panama!
L-aħħar informazzjoni li ħarġet kienet dwar l-attentati biex jinfetaħ kont jew kontijiet bankarji f’wieħed minn diversi banek madwar id-dinja. Dan minnu innifsu m’huwiex indikazzjoni ta’ korruzzjoni. Ovvjament jista’ jintuża għalhekk ukoll! Il-kontijiet bankarji ma nfetħux (s’issa) għax il-banek talbu depożitu minimu sostanzjali!
Dan kollu jfisser li, l-kriżi li bdiet b’suspetti kbar ta’ korruzzjoni, bl-informazzjoni li nafu sal-lum, għalkemm għad baqa’ kemm dubji kif ukoll suspetti, iktar milli “kriżi ta’ korruzzjoni” hi “kriżi ta’ imġieba ħażina” bil-Prim Ministru, wara tmien ġimgħat għadu ma ħa l-ebda pass kontra dawk responsabbli. Xejn iżda ma jeskludi li iktar tard toħroġ informazzjoni li issaħħaħ l-argument dwar il-korruzzjoni. Imma s’issa din l-informazzjoni mhux magħruf li teżisti. Suspetti biss.
L-imġieba ħażina ta’ Konrad Mizzi toħroġ mill-fatt li huwa fetaħ il-kumpanija fil-Panama f’ġurisdizzjoni li minna nnifisha tnissel suspetti kbar ta’ korruzzjoni u li bħala riżultat ta’ dan kollu tefa’ dell tqil fuq il-Gvern u fuq il-pajjiż.
L-imġieba ħażina ta’ Keith Schembri l-Kasco toħroġ mill-fatt li filwaqt li ilu għal dawn l-aħħar tlett snin jipprova jagħti l-impressjoni li nqata’ min-negozju tiegħu xorta għadu qed jippjana investimenti ġodda għalih, b’mod li qed joħloq dubju perikoluż dwar fejn jibdew ir-responsabbiltajiet tiegħu lejn il-Gvern bħala l-id il-leminija tal-Prim Minsitru u fejn jispiċċaw l-interessi tiegħu ta’ negozju.
Din hi l-kriżi reali li għandu quddiemu l-pajjiż. Hi kriżi ta’ serjetà kbira, mhux eżatt kif qed jgħid il-Kap tal-Opposizzjoni. Imma xorta hemm ġustifikazzjoni li jirriżenjaw kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri. Xorta timmerita mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern għax wara tmien ġimgħat għadu ma ċċaqlaqx.