Ir-responsabbiltà politika tinġarr bir-riżenja jew tkeċċija

Australian Financial Review 130416 headline

 

Il-kontroversja f’Malta dwar il-kumpaniji tal-Panama hi kbira u ikkumplikata. L-informazzjoni ħierġa ftit ftit u bħala konsegwenza hemm il-periklu kontinwu ta’ misinterpretazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

Il-kumpaniji ġew imwaqqfa. Tnejn nafu ta’ min huma. It-tielet waħda ma nafux għax donnu l-isem ta’ sidha kien sensittiv wisq u għalkemm il-kumpanija kienet intenzjonata għal din il-persuna jidher li l-kumpanija baqgħet hemm fuq l-ixkaffa.

Safejn hu magħruf, l-iskop li għalih twaqqfu dawn il-kumpaniji ma kienx hemm ċans li jitwettaq minħabba li bil-ħruġ tal-Panama Papers waqaf kollox. Baqa’ biss il-pjanijiet dwarhom fl-emails li ħerġin ftit ftit. Hemm ukoll l-ispjegazzjonijiet li qed jagħtu jew taw Keith Schembri l-Kasco u Konrad Mizzi.

Keith Schembri għandu “cover” tajjeb wara xiex jistaħba minħabba l-business tiegħu. Konrad Mizzi m’għandux ħajt ta’ kenn, l-ispjegazzjoni tiegħu diffiċli biex titwemmen.

L-artiklu tal-bieraħ 13 t’April 2016 fl-Australian Financial Review intitolat : The Panama Papers: Maltese leaders told Mossack Fonseca of secret gaming plan jikkwota minn emails ta’ rappreżentanti ta’ NexiaBT dwar l-investimenti. Kontinwament issir referenza għal żewġ kumpaniji. Hemm ukoll l-inizzjali tal-persuni involuti (KS għal Keith Schembri u KM għal Konrad Mizzi) biex b’hekk hu ċar li r-referenza hi għat-tnejn.

L-investimenti, jgħidu l-emails ikkwotati, kienu intenzjonati għal remote gaming u għar-riċiklaġġ. Imma l-artiklu Awstraljan , meta jidħol fid-dettall ma jibqax jirreferi għaż-żewġ persuni iżda jaqleb għal persuna waħda u jgħid hekk : “Mr Schembri has an existing recycling business in Malta.” Konrad Mizzi ma jissemmiex iktar. L-artiklu, minkejja t-titlu, ma jgħid xejn dwar l-investiment fir-remote gaming.

Jista’ jkun hemm emails oħra li s’issa għad ma ġewx ippubblikati, imma dwar dawn wieħed ikun jista’ jikkummenta meta dawn l-emails jaraw id-dawl tax-xemx.

Fl-aħħar kullma jibqa’ huma l-fatti. Il-kumpaniji fil-Panama infetħu. Il-ġurisdizzjoni tal-Panama m’għandhiex fama tajba, anzi għandha fama ta’ segretezza liema segretezza hi intenzjonata biex taħbi dak li banda oħra  facilment jinkixef.

Hemm il-korruzzjoni?

S’issa suspetti biss hemm u ħafna spekulazzjoni fuq jigsaw puzzle ta’ biċċiet ta’ informazzjoni. Minħabba l-fatt li dawn iċ-ċirkustanzi ġustament inisslu suspetti ta’ korruzzjoni għandu jkun iktar ċar għaliex Konrad u Keith għamlu ħażin meta aċċettaw il-parir li jmorru l-Panama bil-kumpaniji tagħhom. Esponew lilhom infushom u lill-Gvern li jiffurmaw minnu għal din il-kritika.

Ma kienx ġustifikat li Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-persuna l-oħra li s’issa isimha mhux magħruf imorru l-Panama għax b’dan il-fatt biss tefgħu dell tqil fuq Malta u ngħata messaġġ żbaljat. Hu żball oħxon, li, meta jsir minn persuni li qed jamministraw l-poter politiku (bħal Keith Schembri u Konrad Mizzi) ma hemm l-ebda soluzzjoni għalih ħlief riżenja immedjata inkella tkeċċija.

B’hekk biss tista’ tinġarr ir-responsabbiltà politika.