L-isqaq tal-Partit Laburista

alfred grixti quote 120416

 

Meta taqra dak li qal Alfred Grixti hawn fuq tirrealizza kemm fil-Partit Laburista għad hemm min ma tgħallem xejn mill-passat. Is-skiet fil-konfront tal-iżbalji tal-passat daħħal lill-Partit Laburista fi sqaq. Kien żmien li l-Partit Laburista għażel li jipproteġi lil dawk fostu li żbaljaw flok ma affront ir-realtà b’irġulija.

Il-kuntrast bejn dak li qed jgħid Alfred Grixti u Evarist Bartolo ma jistax ikun ikbar. Alfred Grixti qed jagħżel li jimxi fl-isqaq, għax il-mexxej tkellem. Evarist Bartolo qed jagħżel it-triq tar-responsabbiltà politika. It-triq li permezz tagħha kull politiku jerfa’ hu, ir-responabbiltà politika ta’ egħmilu, u mhux jitfagħha fuq ħaddieħor.

Evarist qal is-segwenti:

Jiena bħala politiku tkellimt ċar ħafna f’dawn il-ġimgħat li għaddew u f’dawn il-jiem li għaddew. Jiena ngħid li jiena, personalment, bħala politiku, jiena irrid nerfa’ ir-responsabbiltà ta’ egħmili u mhux nitfagħha fuq persuna oħra biex tiġġudika jekk l-egħmil tiegħi hux tajjeb jew le. U allura jiena, anke kif tkellimt fil-konferenza ġenerali fil-gimgħat li għaddew, sellimt lil dawk il-persuni li jkunu fil-politika bħala servizz pubbliku u għamlu ħafna sagrifiċċji personali. Aħna matul l-istorja tal-partit tagħna hemm nies li batew ħafna, li ssagrifikaw anke il-libertà tagħhom, anke marru l-ħabs, anke ġew ippersegwitati, ġew mitfugħa fil-miżbla ………….. żgur ma kienux hemmhekk biex isiru sinjuri. Għidt : insellem lil dawn in-nies, għax il-partit tagħna huwa mibni fuq il-valuri tal-ġustizzja, fuq il-valuri tal-moralità fiskali, fuq id-dinjità, fuq il-libertà, u fuq li l-affarijiet isru b’mod ġust.

Jiena nifhem is-sentiment ta’ Alfred Sant. Alfred Sant żgur li hu persuna li rrifletta u ħaseb ħafna qabel qal ħaġa bħal dik. Li nista’ ngħid hu li kieku dak li qal, qalu dwari, kont insegwi l-parir ta’ Alfred Sant.

Alfred Sant m’għandux bżonn il-mannara

Alfred Sant  Il-partit ta' Chris Cardona

Id-dikjarazzjoni ta’ Alfred Sant dwar Konrad Mizzi kienet flokha.

Alfred Sant qal: “Fl-interess tiegħu, personali u politiku, fl-interess ta’ familtu, tal-Partit Laburista u tal-Gvern, kif ukoll fl-interess nazzjonali, id-deċiżjoni onorabbli malajr kemm jista’ jkun  tal-Ministru Konrad Mizzi hi li jirriżenja”.

Il-kliem hu meqjus u magħżul bi preċiżjoni. Il-ħin hu magħżul bir-reqqa wkoll.

Alfred Sant m’għandux ħtieġa tal-mannara ta’ Chris Cardona. Għax il-lingwaġġ vjolenti dejjem ipprova jevitah. Is-simboliżmu tal-vjolenza Alfred Sant dejjem qagħad il-boghod minnu. L-iktar bogħod possibli. Għalhekk la għandu bżonn ta’ sejf u wisq inqas ta’ mannara.

Alfred Sant tkellem ftit ġranet wara li kien hemm diskussjoni imqanqla fil-Grupp Parlamentari Laburista fejn numru ta’ Ministri [Chris Cardona tal-mannara mhux inkluż] tkellmu ċar dwar li Konrad Mizzi jeħtieġ illi jirriżenja minn Ministru, illum qabel għada. Anke l-Ministru tal-Finanzi tkellem fil-Parlament dwar il-gravità tas-sitwazzjoni u dwar il-ħtieġa urġenti li jittieħdu d-deċiżjonijiet.

Il-posizzjoni ċara li ħa Alfred Sant hi fiha nnifisha dikjarazzjoni ta’ appoġġ lil dawk fil-Partit Laburista li jridu li dan jimxi fit-triq li tagħraf li l-politika issir bil-konvinzjoni u mhux għall-konvenjenza, inkluż dawk fil-Grupp Parlamentari li tkellmu ċar. Għax Konrad mhux il-problema, imma s-sintomu. Il-problema hi ħafna ikbar minn Konrad Mizzi.

L-istorja ovvjament mhux ser tieqaf hawn. Għax minkejja d-difetti kollha tiegħu il-kelma ta’ Alfred Sant għad għandha piz fil-Partit Laburista. Bosta iktar mill-mannara ta’ Chris Cardona.