L-ikbar theddida: is-sid inviżibbli tat-tielet kumpanija fil-Panama

 invisible_man

Ilna 7 ġimgħat u fuqhom niddiskutu l-kontroversja tal-kumpaniji mwaqqfa fil-Panama.

Sadanittant ħierġa iżjed informazzjoni. Il-bieraħ il-Ħadd fl-Awstralja, l-Australia Financial Review li għandha aċċess għall-ħdax-il miljun u nofs dokument li ġew ippubblikati mill-International Consortium of Investigative Journalists ibbażata f’Washington D.C. fl-Istati Uniti tal-Amerika tgħid li twaqqfu tlett kumpaniji fuq struzzjonjijiet minn Malta. Waħda bl-isem ta’ Tillgate Incorporation għal Keith Schembri, Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, oħra bl-isem ta’ Hearnville Incorporation għall-Ministru Konrad Mizzi w t-tielet waħda bl-isem ta’ Egrant Incorporation li imkien ma issemma ta’ min hi. Hi ta’ persuna li s’issa għadu mhux magħruf, għax jidher li kien hemm attenzjoni kbira biex ismu ma jissemmiex, biex l-identità tiegħu tkun protetta iktar minn dik tal-persuni l-oħra.

Dawn it-tlett Maltin, tnejn minnhom attivi fil-poltika u t-tielet wieħed (dak li mhux magħruf) x’aktarx ukoll, għażlu li jwaqqfu kumpanija fil-Panama fejn ir-reputazzjoni hi waħda ħażina. Fejn is-segretezza tiffaċilita l-ħabi tal-abbuż. Fejn minħabba din is-segretezza jispiċċaw moħbija flejjes id-dittaturi, kif ukoll flejjes li jirriżultaw min-negozju tad-droga jew mill-korruzzjoni.

Keith Schembri bħala l-id il-leminija tal-Prim Ministru u Konrad Mizzi bħala Membru tal-Parlament kif ukoll bħala Ministru kellhom l-obbligu li jaġixxu b’attenzjoni biex jassiguraw trasparenza u kontabilità f’dak kollu li jagħmlu u dan minħabba li ħtija tal-posizzjoni li jokkupaw dak kollu li jagħmlu għandu impatt fuq il-kredibilità tal-pajjiż. Minflok ma għamlu hekk, Keith Schembri u Konrad Mizzi flimkien mal-persuna l-oħra (li s’issa hu inviżibbli) marru fejn trasparenza ma hemm xejn u allura l-anqas ma hi possibli l-kontabilità tagħhom bħala persuni fil-ħajja pubblika.

Meta twaqqfu dawn it-tlett kumpaniji fil-Panama, Konrad Mizzi, Keith Schembri u t-tielet persuna s’issa inviżibbli għamlu bil-maqlub ta’ dak mistenni minnhom. Bil-maqlub ta’ dak li jipprietkaw. Bil-maqlub ta’ dak li jipprietka l–partit poliitku li fih huma attivi. Allura kif jibqa’ jingħad li m’għamlu xejn ħażin? Għax bil-fors tikkonkludi li jew iridu jgħadduna biż-żmien inkella li m’għandhomx idea ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.

Għalhekk biss Joseph Muscat kellu jkeċċihom it-tlieta li huma: lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi u anke lit-tielet persuna li s’issa għad mhux magħruf min hu.

Tgħid Joseph Muscat jaf min hu t-tielet persuna li s’issa irnexxielu jżomm l-identità tiegħu mistura? Għalfejn qed iżomm l-identità tiegħu mistura? Nittamaw li ma ddumx ma tkun magħrufa għax dawn l-azzjonijiet huma ta’ theddida għad-demokazija u dan għax bil-ħolqien ta’ dawn il-kumpaniji qed tgħib it-trasparenza u l-kontabilità fejn hemm l-iktar bżonnha: fil-kurituri tal-poter.

Il-Prim Ministru m’għandux għalfejn jistenna l-verifika li qed jagħmlu Konrad Mizzi u Keith Schembri biex jieħu passi u dan għax, irrispettivament minn dak li jista’ jirriżulta diġa hu magħruf biżżejjed biex ikeċċihom għax ikkompromettew l-integrità li nistennew fil-politiċi u dawk ta’ madwarhom. L-ikbar theddida imma hi n-nuqqas ta’ informazzjoni fuq it-tielet persuna li sakemm tkun magħrufa ser jibqa’ dell fuq l-amministrazzjoni kollha.

Din hi siegħa gravi għat-tmexxija ta’ pajjiżna għax qiesu xejn m’hu xejn. Mhux bizzejjed li ngħidu li inkwetati. Jeħtieġ li jittieħdu passi, illum qabel għada. Diġa qegħdin 7 ġimgħat tard.

Advertisements

5 comments on “L-ikbar theddida: is-sid inviżibbli tat-tielet kumpanija fil-Panama

  1. Xtaqt nifrahlek Perit, ta’ kemm niehu pjacir naqra l-kummenti u opinjonijiet bilancjati u rragunati tieghek. Biex ma nsemmux ukoll il-passjoni li biha titkellem dwar temI li jmissu l-ambjent jew il-professjoni tieghek, per ezempju l-konkrit ta’ Mater Dei.

  2. Ma rridx nidhol f’polemici ghax mhux hobz ghal snieni. Veru li fil-hajja publika trid tkun lest ghal Kollox, imma l-injoranza, id-djuq tal-mohh, l-istupidagni, u l-kummenti banali ma niflahhomx. Hafna nies mhedija bil-‘glamour’ tal-Eurovision!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s