Simon Busuttil u l-konkos ta’ Mater Dei

mater_dei

Dal-għodu, il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil, ġo B’Kara, ikkummenta dwar il-Bord tal-Inkjesta li saret dwar Mater Dei.

Ikkummenta fuq il-fatt li wieħed mill-membri tal-Bord tal-Inkjesta kien Karl Cini, l-istess persuna li f’isem in-Nexia BT kien qed jieħu ħsieb it-twaqqif tal-kumpaniji fil-Panama għal Konrad Mizzi, Keith Schembri l-Kasco u oħrajn mhux magħrufa, preżentement fl-aħbarijiet.

Bla dubju l-presenza ta’ Karl Cini fuq dak il-Bord tal-Inkjesta jitfa’ dell fuq il-proċess kollu ta’ investigazzjoni dwar l-isptar Mater Dei, ħlief għall-istat tal-konkos. Għax l-istat tal-konkos huwa riżultat ta’ eżami xjentifiku fil-laboratorji mid-ditta Arup u fil-fatt Karl Cini ma kellu xejn x’jaqsam biex ġie stabilit li l-konkos kien dgħajjef.

Tajjeb li l-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil jiftakar f’dak li qal kważi sena ilu meta insista li dawk responsabbli għall-konkos dgħajjef għandhom iwieġbu għal għemilhom. Dakinnhar kien staqsa lil min kien qed jiddefendi l-Gvern ta’ Joseph Muscat. Jiġifieri mhux kontestat li l-konkos hu dgħajjef. Pero għadu mhux stabilit ċar min hu direttament responsabbli għal dan.

Tajjeb li niftakru li reċentement in-Nexia BT li f’isimha aġixxa Karl Cini, riċentment ingħataw inkarigu addattat ħafna mill-Gvern. Il-Ministru tat-Turiżmu inkarighom biex jirrappurtaw dwar il-latrini pubbliċi ta’ Malta u Għawdex. Materja li mid-dehra jifhmu sewwa fiha.

Fuq dan il-blog ara ukoll hawn.