Ilna niddiskutu 7 ġimgħat u Konrad Mizzi għadu jgħid li m’għamel xejn ħażin.
Anke kieku l-ispjegazzjonijiet li ta huma korretti xorta jibqa’ l-problemi. Apparti l-fatt li l-ispjegazzjonijiet ma jitwemmnux.
Konrad għażel li jwaqqaf kumpanija fil-Panama fejn ir-reputazzjoni hi ħażina. Fejn is-segretezza tiffaċilita l-ħabi tal-abbuż. Fejn minħabba dan jispiċċaw moħbija flejjes id-dittaturi, flejjes li jirriżultaw mid-droga u mill-korruzzjoni.
Bħala Membru tal-Parlament u bħala Ministru, Konrad għandu l-obbligu li jieħu l-passi meħtieġa biex jassigura iktar trasparenza u kontabilità. Minflok mar fejn trasparenza ma hemm xejn u allura l-kontabilità mhiex possibli.
Meta Konrad iddeċieda li jwaqqaf kumpanija fil-Panama għamel bil-maqlub ta’ dak mistenni minnu. Bil-maqlub ta’ dak li jipprietka. Bil-maqlub ta’ dak li jipprietka l–partit poliitku li tiegħu issa hu deputy leader.
Allura kif jibqa’ jistaqsi x’għamel ħażin? Għax bil-fors tikkonkludi li jew irid jgħaddina biż-żmien inkella m’għandux idea ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
Għalhekk biss (u anke jekk ma hemm xejn iktar – avolja mhux kulħadd konvint dwar dan) missu irriżenja 7 ġimgħat ilu.