Trid tkun wiċċek imdellek

Simon Busuttil 14

 

Mhux biss it-temp qiegħed jisħon. Qed jisħnu l-irjus ukoll.

L-inċidenti quddiem il-Qorti nhar l-Erbgħa kienu żejda. Għalkemm ma nqala’ xejn gravi dan seta faċilment kien mod ieħor.

Il-filmati li xxandru ma jagħmlux ġieħ lil min jidher fihom. It-tgħajjir u l-insulti li nstemgħu f’dawn il-filmati juru x’qiegħed jinġema’.

Dan kollu jitfa’ obbligu ikbar fuq spallejn il-partiti politiċi biex jimxu b’iktar resposabbiltà. Il-bombastiċità ta’ uħud w t-tejatrin ta’ oħrajn xejn ma jagħmlu ġid.

Il-Partit Laburista qabad it-triq tan-niżla b’mod aċċellerat peró dan mhux neċessarjament għandu jiggwadanja minnu l-Partit Nazzjonalista li fil-Gvern għal madwar 25 sena (sal-2013) għandu lista twila ta’ kazijiet ta’ imġieba mhux xierqa u kontra kull etika. Trid tkun wiċċek imdellek biex bil-parti l-kbira ta’ dawk responsabbli għadhom jiġru mas-saqajn tpinġi lilek inifsek daqslikieku inti x-xempju tal-onestà u l-integrità.

M’għaddewx ħafna snin u lkoll niftakru kif sal-2013 kien jiġi imminimizzat kważi kollox. Għax anke taħt Gonzi konna wasalna fl-istat ta’ “xejn m’hu xejn”. Fir-realtà Joseph Muscat miexi fuq il-passi ta’ Lawrence Gonzi.

Kif jgħidilna l-Gattopardo : “Cambiare tutto perché niente cambi.”