Il-Grupp Parlamentari Laburista qiegħed f’posizzjoni diffiċli. Il-parti l-kbira tal-membri tal-grupp huma persuni ta’ serjetà u integrità. Mhux biss dawk li issemmew mill-gazzetti bħala li kienu fuq quddiem fl-insistenza li Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco iwarrbu jew jitwarrbu. Naf b’diversi oħrajn li huma ta’ l-istess fehma.
Imma hemm problema. Anzi tnejn.
Għalkemm ma tissemmiex, dejjem hemm il-biża’ mill-elementi vjolenti li għandhom interess fl-istatus quo inkella li qegħdin hemm fid-dell jistennew li jkunu mikrija. Elementi li ilhom ma jidhru imma li f’ċirkustanzi bħal dawn għandhom ħabta jitfaċċaw.
Joseph Muscat investa fil-Membri Parlamentari Laburisti tal-backbench biex ikollhom biex jgħaddu ż-żmien u dan billi assigura ruħu li kollha (jew kważi) għandhom xi jmaxtru. Dan bir-riżultat li fis-siegħa tal-prova l-karrotti tal-leader jassumu sinifikat kbir.
Dawn huma l-problemi li għandu quddiemu l-Grupp Parlamentari Laburista. Huma problemi li jieħdu ż-żmien biex jissolvew, sakemm iktar Membri Parlamentari jirrealizzaw li l-lealtà tagħom m’għandiex tkun lejn il-leader jew lejn il-karrotti tiegħu imma favur is-serjetà, favur it-tmexxija nadifa, favur it-trasparenza u favur il-kontabilità.
Is-serjetà fil-politika titlob ħaġa waħda: li min żbalja jħallas billi jwarrab jew jitwarrab.
Dan ma jgħoddx biss għal Konrad u Keith il-Kasco. Issa jgħodd ukoll għal Joseph Muscat. Għax id-difiża tiegħu ta’ Konrad u Keith il-Kasco qed tifni lill-pajjiż. U l-ħsara jista’ jkollha konsegwenzi kbar li jieħdu snin kbar biex jittaffew.