L-impiegi u d-dħul li s-settur finanzjarju f’Malta jiġġenera hu mibni fuq ir-ramel għax hu dipendenti fuq l-evazjoni (legali) tat-taxxa.
Is-settur finanzjarju f’Malta hu mibni fuq il-fatt li Malta toffri rati favorevoli ta’ taxxa. Jiġifieri rati sostanzjalment inqas minn dawk li kieku jitħallsu f’pajjiżi oħra. Dan flimkien mas-segretezza huwa dak li jiġbed is-settur finanzjarju Malti. F’ħafna każi huma kumpaniji leġittimi li jibbażaw ruħhom f’Malta biex iħallsu inqas taxxi. Xi drabi jkun hemm konnessjonijiet kriminali .
Il-Prim Ministru l-bieraħ qal fil-Parlament li hu ippreokkupat biex jipproteġi r-reputazzjoni taċ-ċentru finanzjarju f’Malta. Inkwetat li bħala riżultat tal-informazzjoni żvelata mill-Panama ser tiżdied il-presssjoni kontra dak li hu jsejjaħ “sovranità” fil-qasam tat-tassazzjoni.
Fir-realtà iktar milli sovranità hi eżerċiżżju ta’ evażjoni ta’ taxxa li bħala riżultat tiegħu kumpaniji kbar u żgħar jirnexxielhom jiżgiċċaw milli jħallsu t-taxxi dovuti f’pajjiżhom, u minflok iħallsu xi ħaġa żgħir f’Malta. Bħala riżultat ta’ dan joħolqu l-impiegi f’Malta għax jaħdmu minn hawn.
Għandu jkollna l-kuraġġ li ngħidu l-affarijiet kif inhuma: Malta (bil-kunsens kemm tal-PN kif ukoll tal-PL) bniet is-settur finanzjarju tagħha billi inkoraġġiet l-evazjoni tat-taxxa.
Għalhekk m’humiex kredibbli meta jitkellmu fuq il-moralità fiskali!