Vit jew skorfina ?

vit jew skorfina

Jiena ma naqbilx ma min jgħid li l-partit ġdid li qed tippjana li twaqqaf Marlene Farrugia għandu kawlata ta’ ideat. L-iktar li tista’ tgħid f’dan l-istadju hu li l-ideat li dan il-partit ser imexxi l-quddiem għadhom m’humiex ċari. Dan minħabba li (bl-eċċezzjoni ta’ Marlene) il-parti l-kbir ta’ dawk li qed jitħajru qatt ma kienu involuti fil-politika. Bla dubju huma ideat li jkunu iktar ċari biż-żmien.

U ngħiduha kif inhi. Ħlief dan l-aħħar, l-anqas Marlene ma kienet involuta ħafna fid-dibattitu politiku. Qabel dan l-aħħar l-interventi politiċi tagħha kienu ftit sporadiċi.

Dan qed ngħidu għax diversi qed jistaqsuni dwar jekk Alternattiva Demokratika hiex ser tieħu sehem f’din l-inizjattiva ta’ Marlene.

Li nista’ ngħid f’dan l-istadju, b’rispett sħiħ lejn il-kunfidenzjalità li hi tant essenzjali f’dawn iċ-ċirkustanzi, hu li dan kollu diġa iddiskutejnieh internament f’AD. Iltqajna ukoll għal darba darbtejn ma Marlene u mal-kollaboraturi tagħha.

S’issa għad ma ħadna l-ebda deċiżjoni u dan billi qed infittxu tweġiba għal diversi mistoqsijiet. Tweġiba li s’issa m’għandniex.

Bħalissa kulħadd għaddej jagħtina l-pariri dwar x’għandha tagħmel l-Alternattiva Demokratika. Pariri li għalkemm mhux mitluba, nieħu pjaċir naqra.

Fil-mument opportun imma nieħdu deċiżjoni.