Id-deċiżjoni tal-bieraħ tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Kontroll tal-Budget setgħet kienet antiċipata. Toni Abela hu persuna li qatt ma ħarab il-kontroversja, u l-istess kontroversja bla dubju baqgħet tiġri warajh.
Bħal ħafna oħrajn jiena kont sorpriż meta l-Gvern iddeċieda li jinnomina lil Toni Abela għall-Qorti tal-Awdituri, prinċipalment minħabba li m’għandu l-ebda esperjenza ta’ amministrazzjoni pubblika. Qatt ma miss direttament b’idejh id-deċiżjonijiet politiċi dwar l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi u l-infieq tagħhom. Esperjenza f’dan il-qasam ma kellu xejn. L-esperjenza bħala Viċi Sindku tal-Ħamrun 24 sena ilu, fil-fehma tiegħi ma tfisser assolutament xejn.
Ma dan trid iżżid il-kontroversja dwar id-droga fil-Każin Laburista ta’ Ħal-Safi li dwarha, l-ispjegazzjoni li ta Toni Abela, anke jekk probabilment hi korretta, qatt ma kienet sodisfaċenti. Hi spjegazzjoni li ma kkonvinċiet lil ħadd. Hi kontroversja li wasslet ċar il-messaġġ li l-Partit Laburista ipproteġa l-kriminalità fil-każini tiegħu.
Dan kollu, trid tarah ukoll fid-dawl tad-dibattitu kurrenti dwar il-korruzzjoni fil-pajjiż kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-kaz John Dalli ta lil Malta isem ħażin fuq l-livell Ewropew. Dan hu salib li bħala pajjiż irridu inġorru għal snin kbar u minħabba fih kulħadd ser jeżamina kull ma nagħmlu u nipproponu bil-lenti.
Hemm min qed jgħid li dan kollu hu riżultat ta’ kampanja negattiva mill-membri parlamentari tal-PN fil-Parlament Ewropew. Issa jiena ma nafx dawn x’għamlu, imma naf li illum il-ġurnata, sempliċi search fuq l-internet, f’tebqa’ t’għajn tagħtik l-informazzjoni kollha li tkun trid jew teħtieġ, mhux biss dwar Malta iżda ukoll dwar Toni Abela.
Fid-dawl ta’ dan kollu Toni Abela seta faċilment antiċipa r-riżultat tal-bieraħ. Żbalja bil-kbir meta aċċetta n-nomina.
Għadni ma nistax nifhem kif l-istrateġisti tar-raba’ sular dan kollu ma fehmuhx.