L-indafa fil-ħajja pubblika

washing hands

 

L-indafa fil-politika ma tigix mix-xejn. Irridu naħdmu għaliha kuljum.

Kif jista’ jkollok l-indafa fil-politika jekk kull skandlu li jitfaċċa jkollu risposta standard : aħjar tara x’għamilt int?

Kif jista’ jkollok politika nadifa jekk il-paragun bejn il-partiti fil-Parlament ma jsirx fuq min hu l-iżjed nadif iżda fuq min hu l-inqas maħmuġ?

Meta Ministru tal-Gvern ma jirrealizzax li l-fatt biss illi għandu kumpanija (jew kumpaniji) fil-Panama hi azzjoni kundannabbli ifisser li qed immissu l-qiegħ.

Agħar minn hekk hu meta l-Prim Ministru jiddefendi lil dan il-Ministru.

Dan kollu jwassal għal suspetti kbar. Jibqgħu suspetti għax l-ebda prova ma nġiebet s’issa.

Imma għiduli ftit. Qatt irrealizzajtu kif jinkixfu l-kazijiet ta’ korruzzjoni? Qatt smajtu b’xi ħadd korrott li inkixef malajr?

Qatt irrealizzajtu li fi kważi kull każ ta’ korruzzjoni li inkixef kien hemm xi ħadd b’idejh fil-borma li kixef l-affarijiet? Ġieli tkellem direttament hu u xi drabi jgħaddi l-informazzjoni lill-gazzetti.

Ġeneralement dan isir għax il-korrotti jkollhom nuqqas ta’ qbil bejniethom dwar kif jaqsmu dak li jkunu serqu. Imma meta jkunu “ġenerużi” bejniethom ħadd ma jkollu interess li jikxef.

Inti li qed taqra jgħaddilek mill-garigori ta’ moħħok li dawn ser jikxfu lil xulxin? Kontra dan it-tip ta’ nies qed niġġieldu.

Għalhekk li l-ġlieda favur l-indafa fil-ħajja pubblika hi iebsa. Hi ġlieda li nagħmlu kuljum.

 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s