Mario de Marco f’artiklu riċenti tiegħu fl-Independent jgħid li “Each day I question why I am in politics. I am however driven to stay on by a sense of duty towards the ordinary man and woman I meet in the street as opposed to those who live in ivory towers and enjoy spinning conspiracy theories.”
Hi mistoqsija li bosta (jiena inkluż) jistaqsu kuljum. Mhux faċli li tibqa’, b’sens ta’ servizz f’sitwazzjoni li qegħda tiżviluppa kontinwament f’eżerċiżżju ta’ tgħajjir, insulti u tfiegħ ta’ tajn. Eżerċizzju li fih Mario, bħali u bosta oħrajn, ma jipparteċipax fih, avolja kontinwament isib lil min jipprova jdaħħlu jew jimplikah.
Għad baqa’ ħafna xi jsir biex il-politika titnaddaf mill-ħmieġ u mill-maħmuġin. Sfortunatament għad hawn bosta li fil-politika jaraw short-cut għal investiment li jirrendi malajr. Quddiem dawn it-talin huwa biss l-ideal li jżommna miexjin il-quddiem minkejja l-gambetti kontinwi.
Il-mistoqsija ta’ Mario de Marco hi mistoqsija ta’ kullmin iħares lejn il-politika bħala servizz. It-tweġiba b’ħarsa madwarna noħduha kuljum: pajjiżna jixraqlu aħjar.