Daqqa ta’ ħarta oħra għall-ambjent

Commercialisation of Sports Facilities

Id-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi li dwaru l-konsultazzjoni pubblika ġiet fi tmiemha llum hi daqqa ta’ ħarta oħra lill-ambjent ta’ pajjiżna.

L-iskop tal-Gvern hu biex ikunu mgħejjuna assoċjazzjonijiet u klubbs sportivi ħalli dawn jimmasimizzaw il-potenzjal tal-faċilitajiet tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jiffinanzjaw lilhom infushom.

L-iskop hu wieħed tajjeb.

Imma biex jintlaħaq dan l-iskop, hemm iċ-ċans, mhux żgħir, li nispiċċaw b’xi grounds tal-futbol barra mill-irħula tagħna mibnijin bi ħwienet u uffiċini u bil-ground tal-futbol fuq il-bejt, bħalma diġa hemm f’Tignè! U jekk inti toqgħod fit-tarf tar-raħal hemm ċans tajjeb li tkun tista’ issegwi partita futbol minn fuq il-bejt. Jekk tkun iffurtunat tkun tista’ issegwiha ukoll mill-kamra tas-sodda! Anke l-floodlights jispiċċaw idawlulek il-kmamar tad-dar. Tispiċċa tiffranka l-konsum tal-elettriku! Dan apparti l-problemi ta’ parking u l-istorbju, sajf u xitwa. Dan eżempju wieħed. Hemm bosta oħra.

Fi stqarrija li ħriġna Alternattiva Demokratika għidna li dak propost f’dan id-dokument ta’ konsultazzjoni, jekk implimentat, jista’ jkun il-kawża ta’ ħafna ħsara ambjentali kif ukoll ikollu effett neġattiv fuq iż-żoni residenzjali tagħna. Daqqa ta’ ħarta oħra għall-ambjent.

Mill-Bank of Vassallo għaċ-ċedoli 2016

Bank of Vassallo

Qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet il-Partit Nazzjonalista kien issellef kwart ta’ miljun euro mingħand Żaren Vassallo. Dakinnhar kien intqal li dak is-self kien ta’ natura kummerċjali. Ma kien ippubblikat xejn u allura xejn m’hu magħruf dwar dan is-self: la l-kundizzjonijiet u l-anqas jekk tħallasx lura, inkella jekk inħafirx.

Din hi informazzjoni li l-Partit Nazzjonalista għandu l-obbligu morali li jagħti.

Issa l-PN beda skema ta’ self imsejħa ċedoli 2016 li permezz tagħha numru ta’ persuni jsellfu €10,000 (r-ras) għal għaxar snin u ta’ dan jitħallsu imgħax ta’4% fis-sena.

Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar li għadda tirregola s-self li jagħmlu l-partiti politiċi b‘mod limitat. Dan tagħmlu billi jekk fost il-kundizzjonijiet tas-self ikun hemm kundizzjonijiet favorevoli, il-vantaġġi li jakkwista l-partit jitqiesu bħala donazzjoni, u  allura jkunu regolati skond ir-regoli tad-donazzjonijiet. L-ammonti ta’ interessi huma żgħar (€400 kull ċedola fis-sena) u l-vantaġġi minn kull ċedola li jistgħu jitqiesu bħala donazzjoni huma għaldaqstant ferm żgħar. Dan meta tqabblu mal-ammont ta’ €7,000 fis-sena li hu l-ammont li jekk jinqabeż bħala donazzjoni (minn persuna waħda f’sena) jkun meħtieġ li jkun dikjarat (anke l-isem tal-persuna li tagħmel id-donazzjoni tkun ippubblikata).

Il-mistoqsijiet li qed isiru huma diversi. Fosthom hemm mistoqsija dwar jekk il-lista tal-ismijiet ta’ dawk li ser isellfu lill-PN hiex ser tkun ippubblikata. Il-liġi li approva l-Parlament fl-2015 ma toħloqx dan l-obbligu. Imma huwa ċar li l-lista ma tistax tkun sigrieta. L-awdituri tal-PN ser jagħmlu l-verifiki tagħhom. Biex jagħmlu dawn il-verifiki jkun meħtieġ  li jeżaminaw id-dokumentazzjoni dwar iċ-ċedoli. L-istess jistgħu jagħmlu l-awdituri tal-Kummissjoni Elettorali li ukoll għandhom l-awtorità li jagħmlu l-verifika jekk ikun hemm ħtieġa għal dan.

Dan naħseb li mhux biżżejjed u jkun għaqli li l-liġi tkun emendata biex dawn it-tip ta’ skemi ta’ self ikunu trasparenti. B’żieda ma dan,  l-obbligu li l-flus jintraddu lura għandu jkun garantit, preferibilment b’insurance. Dejjem sakemm ma jkunux garantiti mill-Bank of Vassallo.

Ħtieġa ta’ front komuni

logotext1

 

Il-pajjiż ma jiftaħx għal żewġ partiti żgħar. Hu meħtieġ sforz biex Alternattiva Demokratika u l-forza politika ġdida immexxija minn Marlene Farrugia jippreżentaw front komuni.

Hemm ħafna in komuni. Jiena impenjat li nipprovaw nidentifikaw l-aħjar mod kif dan jista’ jsir.

S’issa nemmen li dan għadu possibli. Nibża’ li jekk dan ma jsirx nitkissru t-tnejn.

Huwa essenzjali li l-pajjiż ikollu t-tielet forza politika li tkun b’saħħitha. Dan hu l-uniku mod kif tissaħħah id-demokrazija u l-governanza tajba fil-pajjiż.

Minn 2 għal 3

Malta Parliament

Id-diskussjonijiet biex tinħoloq forza politika ġdida għaddejjin. Alternattiva Demokratika qed tipparteċpa fihom għax temmen li għandha rwol importanti biex l-entuzjażmu ta’ bosta li xebgħu mis-sistema ta’ żewġ partiti jingħata leħen effettiv.

Hemm diversi persuni minn kull qasam tal-ħajja li wrew interess f’dan il-proġett li nittama li jkun varat fi ftit tal-ġimgħat oħra.

Il-forma preċiża li din il-forza ser tieħu għadha mhiex ċara imma ser iġġib flimkien lill-Alternattiva Demokratika tal-lum mal-voluntiera li qed jinġabru madwar Marlene Farrugia.

Bla dubju dan ser jibni fuq il-pedamenti ta’ Alternattiva Demokratika, imma ser jilħaq iktar nies li sa ftit taż-żmien ilu kienu għadhom jittamaw li s’sistema ta’ żewġ partiti tista’ taħdem fl-interess tal-pajjiż. Issa qed jirrealizzaw li ħadu żball.

Dan il-pass ser ikun possibli minħabba li illum iktar nies qed jiftħu għajnejhom li hu fl-interess tal-pajjiż li jkun hemm leħen ieħor fil-Parlament.

Tul il-ġimgħat li ġejjin din il-forza ġdida fil-politika Maltija tieħu sura u mbagħad inkunu nistgħu nitkellmu aħjar.

 

L-aħħar pastizz

pastizzi

Hemm diversi inkwetati li s-Serkin tal-pastizzi jista’ jagħlaq. It-Times online, il-bieraħ irrappurtat dwar serbut ta’ nies jistennew biex jixtru l-pastizzi l-bierah stess, il-Ġimgħa l-Kbira. Inkwetati bil-kbir li dan ma jkunx l-aħħar pastizz li ser jixtru mingħand is-Serkin.

L-inkwiet reali hu ta’ natura differenti. Sfortunatament il-pastizzi tas-Serkin ser jiġrilhom bħall-imġieba tajba fil-ħidma ta’ uħud mill-politiċi f’pajjiżna. Il-problema mhiex biss ta’ dawk li mxew ħażin, iżda iktar minn hekk hi ta’ sħabhom li ma kellhomx il-kuraġġ li jiftħu ħalqhom.

L-indafa fil-ħajja pubblika

washing hands

 

L-indafa fil-politika ma tigix mix-xejn. Irridu naħdmu għaliha kuljum.

Kif jista’ jkollok l-indafa fil-politika jekk kull skandlu li jitfaċċa jkollu risposta standard : aħjar tara x’għamilt int?

Kif jista’ jkollok politika nadifa jekk il-paragun bejn il-partiti fil-Parlament ma jsirx fuq min hu l-iżjed nadif iżda fuq min hu l-inqas maħmuġ?

Meta Ministru tal-Gvern ma jirrealizzax li l-fatt biss illi għandu kumpanija (jew kumpaniji) fil-Panama hi azzjoni kundannabbli ifisser li qed immissu l-qiegħ.

Agħar minn hekk hu meta l-Prim Ministru jiddefendi lil dan il-Ministru.

Dan kollu jwassal għal suspetti kbar. Jibqgħu suspetti għax l-ebda prova ma nġiebet s’issa.

Imma għiduli ftit. Qatt irrealizzajtu kif jinkixfu l-kazijiet ta’ korruzzjoni? Qatt smajtu b’xi ħadd korrott li inkixef malajr?

Qatt irrealizzajtu li fi kważi kull każ ta’ korruzzjoni li inkixef kien hemm xi ħadd b’idejh fil-borma li kixef l-affarijiet? Ġieli tkellem direttament hu u xi drabi jgħaddi l-informazzjoni lill-gazzetti.

Ġeneralement dan isir għax il-korrotti jkollhom nuqqas ta’ qbil bejniethom dwar kif jaqsmu dak li jkunu serqu. Imma meta jkunu “ġenerużi” bejniethom ħadd ma jkollu interess li jikxef.

Inti li qed taqra jgħaddilek mill-garigori ta’ moħħok li dawn ser jikxfu lil xulxin? Kontra dan it-tip ta’ nies qed niġġieldu.

Għalhekk li l-ġlieda favur l-indafa fil-ħajja pubblika hi iebsa. Hi ġlieda li nagħmlu kuljum.

 

 

Il-mistoqsija ta’ Mario de Marco

Mario de Marco.Parlament jpg

Mario de Marco f’artiklu riċenti tiegħu fl-Independent jgħid li “Each day I question why I am in politics. I am however driven to stay on by a sense of duty towards the ordinary man and woman I meet in the street as opposed to those who live in ivory towers and enjoy spinning conspiracy theories.”

Hi mistoqsija li bosta (jiena inkluż) jistaqsu kuljum. Mhux faċli li tibqa’, b’sens ta’ servizz f’sitwazzjoni li qegħda tiżviluppa kontinwament f’eżerċiżżju ta’ tgħajjir, insulti u tfiegħ ta’ tajn. Eżerċizzju li fih Mario, bħali u bosta oħrajn, ma jipparteċipax fih, avolja kontinwament isib lil min jipprova jdaħħlu jew jimplikah.

Għad baqa’ ħafna xi jsir biex il-politika titnaddaf mill-ħmieġ u mill-maħmuġin. Sfortunatament għad hawn bosta li fil-politika jaraw short-cut għal investiment li jirrendi malajr. Quddiem dawn it-talin huwa biss l-ideal li jżommna miexjin il-quddiem minkejja l-gambetti kontinwi.

Il-mistoqsija ta’ Mario de Marco hi mistoqsija ta’ kullmin iħares lejn il-politika bħala servizz. It-tweġiba b’ħarsa madwarna noħduha kuljum: pajjiżna jixraqlu aħjar.

Bejn il-Panama u l-Għargħur

puke

Il-faqar tal-politika f’Malta hi imfissra b’mod ċar mid-dibattitu kurrenti. Il-logħob bil-kliem m’hu ser isolvi xejn.

Quddiem l-aħbar tal-kumpaniji fil-Panama il-Partit Laburista ma kellux il-kuraġġ morali li jgħid li dak kien żball li fil-partiti politiċi serji jħallsu għalih bir-rizenja, mill-ewwel.

Minflok, ħarġu mill-kexxun ir-residenza ta’ Beppe fil-Għargħur li dwarha qalu ħafna affarijiet li kollha jimmeritaw risposta ċara minn min hu konċernat. Inkluż riżenji jekk jirriżulta l-abbuż. Imma l-Partit Laburista mhux interessat dwar dan kollu. Hu ċar li jinteressah biss il-paragun tal-ħmieġ: min hu inqas jew iktar maħmuġ.

Il-politika f’Malta rriduċewha għal hekk. Bit-tama li l-abbużi jikkanċellaw wieħed lill-ieħor.

Ir-realtà, fortunatament, għall-parti l-kbira tal-Maltin hi differenti: kull storja dwar abbuż hi tat-tqalliegħ tal-istonku.

Trasparenza u kontabilità : pajjiżna jixraqlu aħjar

transparency

L-imġieba korretta tal-persuni fil-ħajja pubblika mhux biss hi essenzjali: hi mera tal-għeruq tal-etika fil-ħajja ta’ kuljum tal-pajjiż.

Dawk li jokkupaw uffiċċju politiku, ta’ kull sena hu mistenni li jippreżentaw dikjarazzjoni dwar dak li jippossjedu. Dan isir mhux biex naqtgħu l-kurżità jew inkella biex ikollna fuq xiex inzekzku. Isir biex ikun jista’ jiġi imkejjel b’dak li jippossjedu, jekk, abbużawx mill-posizzjoni tagħhom. Jekk id-dikjarazzjoni li issir tkun tirrifletti dak li jippossjedu wieħed jista’ jqabbel dikjarazzjoni ta’ sena ma dik ta’ sena oħra u b’dan il-mod ikun jista’ jifforma opinjoni jekk dak li jkunu qed jakkumulaw huwiex ġej mill-ħidma leġittima tagħhom inkella minn x’imkien ieħor.

Huwa għalhekk inkwetanti ħafna meta min jokkupa uffiċċju politiku jagħżel li jinvesti ġidu f’postijiet fejn hemm segretezza sħiħa. Għax min jeħtieġlu li kontinwament jagħti kont ta’ egħmilu ma jistax u m’għandux jaġixxi b’dan il-mod.

Meta l-persuni fil-ħajja pubblika jaħbu ġidhom ikunu qed jagħtu messaġġ żbaljat. Għax ikunu qed jgħidu li jiġu jaqgħu u jqumu mit-trasparenza u l-kontabilità, anke jekk fl-istess ħin ma jieqfux jipprietkaw dwarhom. Għax jekk ġidek ikun moħbi ma tistax tkun kontabbli: ma tistax tagħti kont ta’ egħmilek. Anke jekk kull ma tippossjedi jkun ġie akkwistat bl-iktar mod regolari.

Kif tista’ tagħti kont ta’ egħmilek jekk ġidek taħbieh f’kumpanija sigrieta f’ġurisdizzjoni li ma tagħti sodisfazzjon lil ħadd?

Dan hu l-iżball tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri l-Kasco. Qed jiżbalja ukoll il-Prim Ministru li qiegħed jagħtihom l-appoġġ sħiħ tiegħu dwar il-kumpaniji fil-Panama.

Hu tal-biki li l-Partit Laburista qiegħed jaġixxi qiesu xejn m’hu xejn. Kieku intagħżlet it-triq tal-irġulija u Konrad Mizzi u Keith Schembri irreżenjaw mill-ewwel il-kaz ilu żmien magħluq. Imma billi webbsu rashom qed jagħtu l-messaġġ li għandhom x’jaħbu, anke jekk m’għandhomx. Dan kollu qed ikollu rifless fuq il-kredibilità tal-Gvern, tal-pajjiż u tal-Partit Laburista nnifsu.

Uħud minnkom, bħali, l-ġimgħa l-oħra smajtu lill-Avukat Toni Abela jwieġeb il-mistoqsijiet tal-membri Parlamentari Ewropej. Smajtu bħali l-emfasi fuq il-korruzzjoni f’uħud mill-mistoqsijiet li sarulu. Minħabba l-attitudi tal-Gvern pajjiżna qed jagħti l-messaġġ li l-korruzzjoni hi xi ħaġa aċċettabbli. Għax dak hu li jiġri meta l-Gvern jipprietka t-trasparenza u l-kontabilità imma fl-istess nifs jinkoraġixxi s-segretezza u jagħti appoġġ lill-imġieba ħażina.

Sfortunatament il-Gvern ta’ Joseph Muscat iktar moħħu fid-daqs tas-swimming pool ta’ Beppe Fenech Adami milli fl-imġieba ta’ dawk li qed iħaddmu l-makkinarju tal-istat. Dawn huma l-konsegwenzi ta’ Gvern li hu amorali, jiġifieri Gvern li għalih, xejn m’hu xejn, kollox jgħaddi.

Pajjiżna jixraqlu aħjar. Jixraqlu fuq kollox li l-Gvern ikollu l-prijoritajiet tiegħu f’posthom. Għax it-trasparenza u l-kontabilità jiġu qabel is-swimming pool ta’ Beppe.

Is-swimming pool ta’ Beppe

Beppe Fenech Adami-Gharghur

Il-Ministru Chris Cardona u n-Nutar Ian Castaldi-Paris ilhom ġranet sħaħ jibbumbardjaw lill-pubbliku b’informazzjoni dwar is-swimming pool ta’ Beppe Fenech Adami.

Qed jgħidulna li dan is-swimming pool, hu ħafna ikbar milli suppost. Issa jiena ma nafx jekk dan hux minnu jew le. Imma naf li hemm mod ċar u preċiż kif dan jista’ jkun stabilit, kif wara kollox jiġri ma kull persuna oħra f’Malta.

Kull min jidhirlu li Beppe ma mexiex mal-permessi ta’ żvilupp dwar xogħol li hu għamel fir-residenza tiegħu, kull ma għandu jagħmel hu li jippreżenta rapport lill-MEPA li tibghat l-enforcement officers tagħha biex jinvestigaw. Wara, jekk ikun meħtieġ, dawn jieħdu l-passi neċessarji. Daqshekk sempliċi l-biċċa, għal min hu ta’ rieda tajba.

 

Imma dan kollu ma jnaqqas xejn mill-gravità li nħolqot bil-kumpaniji sigrieti fil-Panama li għandhom il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri tal-Kasco. Għax il-Partit Laburista qed jgħidilna li ħadd ma jista ‘ jikkritikah għax inkella jqalleb kull m’hawn forsi jsib xi żball, żgħir jew kbir, li tkun għamilt xi darba.

Issa żbalji ser isibu kemm iridu. Żbalji żgħar u żbalji ikbar. Peró għad irrid nara żball oħxon daqs dak tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Kien ikun ħafna aħjar għall-Partit Laburista kieku Konrad u l-Kasco irrizenjaw mill-ewwel.

L-ebda swimming pool m’hu ser isolvilhom il-problema li ħolqu huma stess.

Kull jum li jgħaddi tkompli żżid mal-ħsara kbira li diġa għamlu lill-pajjiż.