Qed jingħad li Michael Falzon hu vittma, għax kellu jirriżenja minkejja li ma għamel xejn ħażin. Huwa stess emfasizza li fl-ebda ħin ma ndaħal, la biex saru l-istimi u fl-ebda materja oħra konnessa mal-esproprijazzjoni.
Kull persuna politika f’kariga eżekuttiva trid iġġorr ir-responsabbiltà politika għall-ħidma tad-dipartimenti li jkunu responsabbli għalihom. Spiss insegwu politiċi jiftaħru bil-ħidma tad-dipartimenti differenti. Konferenzi stampa ma jispiċċaw qatt, artikli fl-ewwel paġna tal-gazzetti u xandir ta’ aħbarijiet fuq ir-radju u it-TV. Anke meta l-politiku ma jkun għamel xejn, jippretendi li jieħu l-mertu.
Bl-istess mod li l-politiku jieħu l-mertu meta l-ħidma tagħti riżultati tajbin irid jieħu t-tort meta l-effetti jkunu negattivi.
Il-politiku f’kariga eżekuttiva jkollu l-għajnuna fil-ħidma tiegħu. Din hi l-funzjoni tas-segretarjat privat tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Smajna tul il-ġimgħat li għaddew kif il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għandhom id-dritt li dawk ta’ madwarhom ikunu persuni li huma jkollhom fiduċja fihom. Il-ħatriet ta’ dawn il-persuni qrib il-politiċi spiss jirreferu għalihom bħala trusted persons li jokkupaw positions of trust. Il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari għandhom bżonn madwarhom lil dawn il-persuni li fihom ikollhom fiduċja, biex ikollhom min jassistihom fit-twettiq tal-missjoni politika tagħhom. Dan jagħmluh billi jgħinu lill-Ministri u lis-Segretarji Parlamentari fit-twettiq tal-politika tal-Gvern, iżommuhom infurmati dwar x’ikun qed jiġri fid-Dipartimenti u Awtoritiajiet differenti u jagħtuhom il-pariri meħtieġa dwar dak li jinqala’ minn żmien għal żmien.
Allura l-mistoqsija li teħtieġ tweġiba mhiex jekk Michael Falzon kienx vittma, imma ta’ min kien vittma.
X’għamlu l-persuni ta’ fiduċja madwar Michael Falzon biex jassiguraw ruħhom li kien infurmat sewwa dwar id-deċiżjonijiet li kien mitlub jieħu dwar l-esproprijazzjoni ta’ 36 Triq iz-Zekka l-Qadima l-Belt Valletta? It-tweġiba issibuha fir-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Insibu, per eżempju, fir-rapport tal-Awditur Ġenerali, li wieħed mill-impjegati fis-segretarjat privat ta’ Michael Falzon [li minn sorsi oħra jidher li kien magħruf bħala l-King tal-Lands, żagħżugħ ta’ 23 sena] akkumpanja lil Marco Gaffarena f’laqgħat fid-Dipartiment ma’ Direttur Ġenerali u Direttur li issa irriżenjaw. Imkien ma jidher li nżammu minuti ta’ dawn il-laqgħat. Għalhekk mhux magħruf x’intqal u x’ġie diskuss f’dawn il-laqgħat.
Il-persuni ta’ madwarek jistgħu jagħmlulek ġid kbir. Imma jistgħu ukoll ifarrkuk. Skond kemm ikunu kapaċi.
Ikun tajjeb kieku l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jifhmu li filwaqt li huwa sewwa li jkollhom il-persuni tal-fiduċja tagħhom madwarhom dawn għandhom ikunu kapaċi għal xogħolhom. Għax fl-aħħar dak li tiżra’ taħsad.
Imbagħad inutli toqgħod teqred li inti vittma.