Dawk li jsejħu lilhom infushom “patrijotti” ipprotestaw billi għażlu l-għodda tal-insult. Lill-Musulmani li kienu qed jitolbu fl-Imsida fil-pjazza quddiem il-Knisja ippruvaw jipprovokawhom billi qassmu l-ħobż bil-perżut.
Missirijietna dejjem ittrattaw lil min ġie fi gżiritna b’ospitalità. Dak hu valur ewlieni li għaddewlna, imma l-hekk imsejħa “patrijotti” dan ma tantx jogħġobhom. Ma jogħġbuhomx dawk b’kulur jew twemmin differenti. Id-differenza tbeżżagħhom. Biża’ li hi mnissla mill-injoranza.
M’għandhomx idea li l-parti l-kbira tagħna l-Maltin aħna imnisslin mill-ġnus kollha, mhux biss dawk max-xtut tal-Mediterran. Bħala poplu aħna taħlita. Mhux biss. Kif skopra fir-riċerka tiegħu l-istoriku l-Professur Godfrey Wettinger, missierijietna mhux dejjem kienu insara. Kien hemm żmien meta l-Maltin kienu jħaddnu r-reliġjon Islamika. Ir-reliġjon nisranija, fil-fatt, m’għandhiex għeruq daqstant fil-fond f’pajjiżna minkejja dak kollu li għallmuna!
Jagħmlu tajjeb il-“patrijotti” kieku jifhmu li fost il-valuri tal-Maltin, insara u m’humiex, hemm is-solidarjetà u t-tolleranza. Valuri li sfortunatament dawn il-“patrijotti” m’għandhomx idea tagħhom.
Fil-maġġoranza tagħna aħna poplu demokratiku li nirrispettaw il-fehmiet tal-oħrajn.
Għaliex għandek ixxerred il-mibgħeda fil-konfront ta’ min qiegħed ifittex post fejn jitlob? Tafu li dawn qed jitolbu fil-beraħ għax ma ħallewhomx jibqgħu jitolbu fil-garaxxijiet fejn kienu qed jitolbu? Minn meta ‘l hawn it-talb fil-beraħ sar oġġezzjonabbli?
Din l-intolleranza li qed terfa’ rasha tmur kontra l-valuri kollha tal-poplu Malti. M’għandha x’taqsam xejn mal-patrijottismu iżda mar-razzismu. Il-poplu Malti mhux poplu razzist.
Ir-razziżmu jxerred il-mibgħeda. Il-mibegħda hi mibnija fuq l-injoranza. Dan l-għatx għall-mibgħeda hu misqi mill-injoranza : hu għatx li l-ebda perzut mhu ser jaqtgħu.