L-awtonomija amministrattiva tal-Parlament

Malta Parliament

 

Il-Parlament jerġa’ jiltaqa’ llum, wara l-waqfa għall-btajjel tal-Milied.

Fuq quddiem fl-aġenda tal-lejla hemm għad-diskussjoni abbozz ta’ liġi dwar is-servizz Parlamentari. Permezz ta’ din il-liġi, meta tkun approvata, l-Parlament ser jingħata l-awtonomija amministrattiva.

Din hi inizjattiva li ilha li bdiet is-snin, miż-żmien li kien Speaker Anton Tabone, imma ngħatat spinta kbira mill-iSpeaker Michael Frendo. L-iSpeaker attwali Anġlu Farrugia wassal il-proposta sal-punt tal-lum.

L-abbozz ta’ liġi jipprovdi għall-ingaġġ tal-impjegati tal-Parlament, li ser jkun separat minn dak tas-servizz pubbliku, kif ukoll jipprovdi għal budget tal-Parlament li jkun wieħed approvat mill-Parlament separatament mill-budget normali.

F’Settembru 2012, Tonio Borg li dakinnhar kien Ministru għall-Affarijiet tal-Parlament kien ħareġ White Paper intitolata : Il-Parlament Malti: Iktar Awtonomija Iktar Responsabbiltà.

L-awtonomija amministrattiva tal-Parlament hi pass fid-direzzjoni tajba. Xi darba ma tafx kif, forsi jirrealizzaw ukoll li ilu li wasal iż-żmien li l-membri parlamentari jeħtieġ li jkunu kollha fulltimers.

Imma issa drajna nimxu bil-mod. Fl-aħħar imma naslu ukoll!