Permezz ta’ Beppe Fenech Adami, l-Opposizzjoni qalet li l-Ministru Carmelo Abela għandu jirreżenja, u dan għax il-mewt b’suwiċidju li seħħet illum fl-isptar Monte Carmeli hi xhieda tal-inkompetenza tiegħu. Iktar u iktar, qal Beppe Fenech Adami, għax din hi t-tielet mewt ta’ persuna miżmuma taħt kustodja f’dawn l-aħħar xhur.
Il-mewt taħt dawn iċ-ċirkustanzi hi ta’ tħassib kbir. Peró naħseb li Beppe f’dan il-kaz għaġġel ftit biex wasal għall-konklużjoni li hu neċessarju li jirreżenja l-Ministru.
Infetħu żewġ inkjesti dwar il-kaz u naħseb li kien ikun iktar għaqli li nistennew il-konklużjoni tagħhom qabel ma nikkonkludu eżattament x’ġara kif ukoll dwar jekk kienx hemm min (b’li għamel jew b’li m’għamilx) ikkontribwixxa għal din il-mewt.
F’dawn iċ-ċirkustanzi hu primatur li ssir sejħa għal riżenja.
Hemm ukoll il-periklu li s-sinifikat politiku tar-rizenja jkun żvalutat jekk jibqgħu jsiru dawn it-tip ta’ sejħiet ta’ spiss. Fil-kultura politika Maltija r-riżenja politika qatt ma rabbiet egħruq fondi. Din m’hiex xi attitudi li faqqset illum iżda ilha magħna s-snin. Hu għalhekk iktar għaqli li ssir insistenza biex l-inkjesti jkun konklużi fl-iqsar żmien li hu umanament possibli, u dan biex meta jkunu magħrufa l-konklużjonijiet ikun stabilit min għandu jerfa’ r-responsabbiltà.