Mill-karità għall-ġustizzja soċjali

Charity

Il-ġenerosità tal-poplu Malti hi kbira, kważi bla limitu. Dan jixhduh il-fondi li nġabru mill-Istrina għall-Community Chest Fund l-għada tal-Milied kif ukoll il-fondi li nġabru l-bieraħ b’risq id-Dar tal-Providenza.

Matul is-sena jinqalgħu diversi ċirkustanzi oħra li għalihom ukoll ikun hemm rispons tajjeb.

Huwa tajjeb li nagħmlu l-karità. Peró dan mhux biżżejjed.

Mill-karità irridu naslu għal ġustizzja soċjali iktar effettiva. Għas solidarjetà. Għax il-fatt li hemm il-ħtieġa ta’ din il-karità kollha ifisser bla ebda dubju li x-xibka tas-servizzi soċjali li għandu l-istat m’humiex jilħqu lil kulħadd.

Huwa neċessarju li flok ma naraw lill-Ministru tal-Finanzi fl-Istrina jippreżenta ċekk ta’ €60,000 mill-Fond tal-Kawżi Ġusti naraw żieda sostanzjali fil-fondi allokati lill-Ministeri tas-Saħħa u tas-Sigurtà Soċjali.

Imma jekk il-Gvernijiet ser jibqgħu jnaqqsu it-taxxa tad-dħul, dan ma jistax isir.

Gvern progressiv, minn dan kollu jasal għall-unika konklużjoni loġika: mill-karità jgħaddi għal ġustizzja soċjali iktar effettiva.