F’Birżebbuġa, issa l-pass li jmiss.

Noise Report 2015.draft

 

Nigel Mifsud, il-bieraħ, fuq TVM, spjega f’rapport konċiż u informattiv, kif issa, hemm il-provi li l-kontributur ewlieni għat-tniġġiż mill-ħsejjes f’Birżebbuġa hu l-Port Ħieles.

Biex inkun preċiż ir-rapport dwar l-impatti tal-ħsejjes mill-Port Ħieles fuq Birżebbuġa għadu mhux lest għal kollox. L-istudju lest u l-ewwel abbozz tar-rapport ġie diskuss. Jonqos issa li jsiru l-aħħar irtokki biex ikun konkluż ir-rapport finali.

Li sar l-istudju huwa importanti ħafna. Għax issa hemm il-provi li dak li ilhom jgħidu r-residenti hu minnu. Huwa ukoll ikkwantifikat.

Imma tajjeb li nifhmu li biex l-istudju sar kien hemm ħtieġa ta’ ħafna ħidma. Minnu innifsu kien ukoll proċess edukattiv li fih imxew flimkien il-MEPA, l-Port Ħieles u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.

Kienet triq twila, għax għal bidu mhux kulħadd kien konvint li dik kienet it-triq. Anke matul it-triq kien hemm min ġieli qata’ qalbu. Imma fl-aħħar wasalna. U biex wasalna għandhom mertu diversi persuni.

Dan hu awgurju tajjeb fi tmiem din is-sena. Li bil-paċenzja hu possibli li tasal.

Issa irridu bl-istess ħeġġa nagħmlu l-passi li jmiss: li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex il-ħoss jonqos.

Għax, kif dejjem ngħid: hu tajjeb li l-Port Ħieles jagħti kontribut għall-ekonomija tal-pajjiz. Dan il-kontribut, iżda, m’għandux inaqqas il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Birżebbuġa.

Hi rebħa kbira, mhux biss għal Birżebbuġa, li wasalna sa hawn. Inħarsu l-quddiem b’kuraġġ. I

ppubblikat ukoll fuq iNews : l-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2015