Il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jitolbu kont ta’ għemilna

environmental footprint

 

L-iżvilupp sostenibbli hu l-ħolqa li tgħaqqad flimkien lill-ġenerazzjonijiet tal-lum ma dawk ta’ għada, il-ġenerazzjonijiet futuri. Għax l-iżvilupp ikun sostenibbli meta l-għażliet li nagħmlu llum ma jkunux ta’ xkiel għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada, meta huma jiġu biex jagħmlu l-għażliet tagħhom.

Il-ġenerazzjonijiet futuri m’għandhomx vuċi fil-preżent. M’għandhomx is-saħħa li jisfidawna meta illum nieħdu deċiżjonijiet li jorbtulhom idejhom. Ħafna drabi hu faċli li ma nagħtux każ tagħhom għax la għandhom vuċi, la għandhom saħħa finanzjarja u l-anqas ma għandhom vot. U fis-soċjetà tagħna, min hu bla vuċi, bla saħħa finanzjarja u iktar u iktar bla vot ftit għandu ċans li jinstema. Kultant, bil-kemm bil-kemm jingħata każ ta’ dawk li għandhom vot, aħseb u ara ta’ dawk li m’għandhomx!

Il-futur ħadd minna ma rah, imma, nistgħu nagħtuh sura bid-deċiżjonijiet li nieħdu illum.

Sfortunatament m’aħniex nagħtu futur tajjeb lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna għax qed inħarbtu kull ma jiġi għal idejna.

33% tal-art f’Malta hi mibnija, u ħafna minna inbniet f’dawn l-aħħar tletin sena. Imma nibqgħu nibnu minkejja li għandna 71,080 propjetà residenzjali li hi vojta (skond iċ-ċensiment tal-2011: 41,232 propjetà residenzjali hi vojta s-sena kollha, u 29,848 propjetà oħra tintuża kultant). Nibqgħu nibnu meta l-kwantità ta’ propjetà vojta fiha 9 darbiet daqs il-parti l-mibnija ta’ B’Kara, l-ikbar lokalità fil-gżejjer Maltin.

Kontra kull parir li ħallewlna missierietna, l-parti l-kbira tal-bini l-ġdid tul dawn l-aħħar snin ma fihx bir biex jiġbor l-ilma tax-xita. Flok fil-bir (li ma jeżistix) l-ilma jintefa fit-triqat jew fid-drenaġġ u fl-aħħar, wara li jgħerreq lit-toroq tagħna, jispiċċa l-baħar.

Mhux biss ma nieħdux ħsieb li naħżnu l-ilma tax-xita, talli dorna għall-ilma li taħżen in-natura nnifisha. Dorna għall-ilma tal-pjan, u ħarbatnieh. Użajna dan l-ilma bla limitu tant li naqas sewwa. Il-ftit li baqa’ huwa kontaminat bil-pestiċidi u kimiċi oħra mill-għelieqi tagħna.

In-natura tieħu ż-żmien biex issewwi din il-ħsara kbira. Snin kbar. X’ser inħallu lil ta’ warajna?

Ma jidhirx li hemm rieda li nieqfu mit-tħarbit. Għax issa jidher li ser nibdew kompetizzjoni tal-bini tat-torrijiet f’tas-Sliema. X’għandna bżonn dal-bini kollu meta għandna tant bini vojt?

L-ilma tax-xita ser jispiċċa l-baħar għax il-mini imħaffra taħt l-art issa lesti.

Il-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jitolbu kont ta’ egħmilna. Għax qed nisirqulhom ir-riżorsi tagħhom. M’għandhomx vot biex jipprotestaw bih, forsi għalhekk ħadd ma jrid jismagħhom u jagħti kazhom.

kummentarju mxandar fuq l-RTK illum 21 ta’ Diċembru 2015

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s