Moħħ mimli piżelli

pea-brain

Segwejt siltiet mid-dibattitu Parlamentari ta’ matul il-lejl dwar l-Università Amerikana.

L-Opposizzjoni (ta’ kull żmien) dejjem tikkonverti u tidher mimlija qdusija sal-jum li tasal fil-Gvern, meta tinsa’ kollox!

Għax jekk tisma’ lil Simon Busuttil jitkellem malajr tifhem kemm hi kbira “l-indiema” tal-Opposizzjoni għad-dnubiet ambjentali tagħha. Għax Simon qalilna li ż-żewġ naħat għamlu l-iżbalji dwar l-ambjent fil-passat, iżda issa hemm bżonn li niġbdu linja.

Anke l-Labour għamel sforz kbir biex  jagħti l-impressjoni li nqata’ mill-passat tiegħu. Avolja fi ftit xhur reġa’ beda miexi fuq l-istess passi.

Il-passat iridu jħassruh. Sfortunatament ġieli jirnexxielhom inessuh, imma l-iżbalji ħoxnin li saru għadna nbatu l-konsegwenzi tagħhom. Ta’ xejn jiġbdu l-linja.

Jekk min-naħa l-oħra tisma’ lil Joseph Muscat jitkellem taħseb li l-ekonomija issolvi kollox. Qatt ma smajtu jgħid li l-qerda ambjentali ta’ madwarna, li qed tikber bil-minuti, hi kkawżata mit-tkabbir ekonomiku bla rażan. Dan qed jeffettwa l-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.

Dawn huma konsegwenzi tat-tmexxija minn żewġ partiti għal nofs seklu. Wieħed wara l-ieħor.

Huwa  biss min għandu moħħ ta’ piżella, jew aħjar, għandu moħħ mimli piżelli,  li ma jirrealizzax li t-tnejn li huma qed jippruvaw jgħaddu lil kulħadd biż-żmien. Għax min jitwieled tond, minkejja kull sforz, ma jmutx kwadru.