L-isfiduċja fil-MEPA tkompli tissaħħaħ

Howard Gardens excavation 101215

 

Barra mill-Imdina, f’Howard Gardens, dal-għodu flimkien ma’ Astrid Vella mill-FAA u l-ambjentalista Alfred Baldacchino indirizzajt konferenza stampa dwar xogħol li qed isir mill-Kunsill Lokali tal-Imdina.

Ix-xogħol jinvolvi tħaffir u tneħħija ta’ ħamrija jidher li ġie approvat mill-MEPA bil-proċedura tad-DNO. Jiġifieri mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni. In-notifika ġġib in-numru DN 2085/15 u jidher li ħarġet nhar l-4 ta’ Novembru li għadda.

Dan imur kontra dak li jgħidu ir-regolamenti għax dan it-tip ta’ approvazzjoni l-MEPA ma tistax taghtiha f’żoni skedati jew protetti.

Normalment dan it-tip ta’ permessi jsiru b’applikazjoni li dwarha jkun hemm perjodu ta’ konsultazzjoni. Fl-aħħar, jekk u meta tapprova, l-MEPA taħtar lil xi ħadd biex jissorvejla u dan minħabba li mhux ħaga rari li meta jsir it-tħaffir fir-Rabat/Mdina li jinstabu fdalijiet storiċi.

Dan kollu ma sarx.

Biex tkompli tgħaqqadha, għal ħin twil ma kien hemm l-ebda informazzjoni elettronika fuq il-website tal-MEPA. Kien biss reċentment li din l-informazzjoni tfaċċat.

Dawn huma affarijiet li jkomplu jsaħħu l-isfiduċja fil-MEPA.