Il-krejnijiet tal-Port Ħieles

Freeport 2015

 

Għada l-Ħamis, il-Bord tal-MEPA ser jiddiskuti l-applikazzjoni  (PA 3859/14) biex ikunu stallati numru ta’ krejnijiet mill-kbar: b’għoli ta’ 140 metru.

L-applikazzjoni għadha mhiex deċiża, imma l-krejnijiet diġa huma stallati. Attitudni  arroganti ta’ min jippretendi li għalih l-applikazzjoni hi biss formalità. Waqt li l-applikazzjoni għad ma ġietx deċiża dawn il-krejnijiet ġew ordnati, inħadmu, u ġew trasportati lejn Malta u tqegħdu ukoll fuq il-post.

Il-Bord tal-MEPA għadu ma ħax deċiżjoni dwar dawn il-krejnijiet minħabba li l-parir li sal-lum tat Transport Malta kien wieħed ambigwu.

Fil-fatt, f’Awwissu li għadda Transport Malta f’ittra indirizzata lill-MEPA qalet li dawn il-krejnijiet jidħlu madwar 18-il metru fiż-żona riżervata għall-ajruplani, u li f’ċirkustanzi oħra ma jkunux permessi. Imma minħabba tal-importanza tal-Port Ħieles għall-ekonomija, għal darba biss, dawn ser ikunu kkunsidrati.

L-ittra tuża l-kliem “this situation is not desirable”.

Transport Malta, l-ewwel u qabel kollox, għandha responsabbiltà biex tħares is-sigurtà tan-nies. Mhux biss ta’ dawk li jagħmlu użu mill-ajruplani imma anke tal-ħaddiema tal-Port Ħieles u tar-residenti ta’ Birżebbuġa. Ma jistax ikun għaldaqstant li tieħu din l-attitudni : li tikkomprometti s-sigurtà, u dan għall-ebda raġuni.

Nittamaw li Transport Malta tkun iktar ċara għax s’issa qagħdet iddur mal-lewża.

Freeport cranes advice 0815