Meta madwar ħames snin ilu beda d-dibattitu kurrenti dwar il-mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, Chris Said, dakinnhar Ministru, kien qal li l-istima approssimattiva biex din issir kienet ta’ €150 miljun.
Issa qiegħed jingħad illi l-istima hi ta’ €300 miljun. L-istima irduppjat f’ħames snin!
Bħalissa fir-Renju Unit għaddej dibattitu dwar ta’ l-inqas żewġ mini.
Waħda minnhom hi bejn Manchester u Sheffield, mina twila 18-il mil (29 kilometru). L-ispiża dwarha hi stmata sitt biljun sterlina (madwar €8.4 biljun). Somma mhux żgħira. Bl-istess rata ta’ infieq, il-mina bejn Malta u Għawdex li ser tkun twila 10 kilometri tiġi tiswa €2.8 biljun. Ħafna iktar mit-€300 miljun li qed jgħidu l-esperti Maltin.
Hemm ukoll għaddejja diskussjoni dwar mina minn taħt Stonehenge tat-tul ta’ 2.9 kilometri bl-aħħar stima tkun ta’ £ 460 miljun sterlina. Bl-istess rata ta’ infieq, il-mina bejn Malta u Għawdex li ser tkun twila 10 kilometri tiġi tiswa €2272 miljuni.
Dan kollu hu indikazzjoni ta’ kemm tista’ tiġi tiswa l-mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex. M’huwiex definittiv imma juri li ċ-ċifri li qed jikkunsidra l-lobby favur il-mina huma żbaljati. Għax bejn €300 miljun u ċifra sostanzjalment iktar minn €2 biljuni, bil-fors li hemm xi ħaga ħażina x’imkien.
Dan hu importanti li jingħad, għax l-istudju dwar il-vijabilità ekonomika tal-mina, li ġie ikkummissjonat minn Transport Malta flimkien mal-Gozo Business Chamber, hu bbażat fuq stima ta’ €300 miljun. Issa l-ebda stima ma tkun preċiża. Dejjem ikun hemm xi varjazzjoni anke meta tkun stima ibbażata fuq pjan preċiż, għax f’dan ix-xogħol dejjem jinqala’ xi ħaġa li ma tkunx prevista. Imma altru li l-istima ma tkunx preċiża u altru li jkun hemm differenza ta’ iktar minn 7 darbiet.
Li hu żgur hu li dak l-istudju (dwar il-vijabilità ekonomika tal-mina) kien prematur minħabba li l-analiżi ġeoloġika għadha ma saritx. Issa l-analiżi ġeoloġika inevitabilment ser ikollha impatt sostanzjali fuq il-proposta definittiva tal-mina. Hu magħruf li r-rotta tal-mina tgħaddi minn żona li hi ġeoloġikament attiva, liema fatt, bla dubju, jżid in-nefqa minħabba l-prewkazzjonijiet li ser ikunu meħtieġa.
Fid-dawl ta’ dan kollu, ħaga waħda hi ċara: hemm min għandu interess li jibqa’ jittama li l-mina hi possibli li ssir. Apparti l-problemi ta’ ġeoloġija, ambjent, impatt soċjali u impatt fuq in-negozju (li l-istudji dwarhom għad iridu jsiru) hemm ukoll indikazzjonijiet ċari li l-proġett l-anqas hu vijabbli ekonomikament, għax l-istima li fuqha nħadmu l-kalkoli ta’ vijabilità ekonomika hi ħafna l-bogħod mir-realtà.
Fid-dawl ta’ dan kollu, bil-fors tasal għall-konkluzjoni li hemm min irid jgħaddi n-nies biż-żmien. Għax għalkemm hu kmieni biex tasal għal stima definittiva, l-indikazzjonijiet kollha juru li ċ-ċifra użata sa issa għall-argumentazzjoni minn dawk kollha favur il-proposta tal-mina hi ħafna l-bogħod mir-realtà.