Meta l-Ispeaker Anġlu Farrugia f’mument ta’ storbju fil-Parlament esklama li l-Parlament m’huwiex maqjel kien qed jagħmel osservazzjoni li bosta ilhom jagħmlu. Ikun hemm mumenti fejn l-ambjent Parlamentari ikun wieħed moqżież.
Fortunatament dawn il-mumenti ma jseħħux b’mod frekwenti.
Il-kawża ta’ dan kollu huwa n-nuqqas ta’ rispett lejn opinjonijiet differenti li hi ukoll riflessa fin-nuqqas ta’ diskussjoni serja fil-partiti politiċi ewlenin infushom. Din hi l-bidla mill-qiegħ li hi meħtieġa fil-politika Maltija: li nirrispettaw iktar l-opinjonijiet differenti.
Huwa faċli li tirrispetta lil min jaqbel miegħek, ma trid tagħmel l-ebda sforz għal dan. Id-diffikultà hi biex tirrispetta lil min ma jaqbilx miegħek.
F’soċjetà li hi sfortunatament ippolarizzata fil-livelli kollha tagħha naf li dan hu diffiċli ħafna. Il-soċjetà tagħna tipprietka kontinwament li min mhux magħna, kontra tagħna. Li tagħna hu l-aħjar u li l-oħrajn ma jiswewx.
L-użu ta’ dan il-kliem mhuwiex sempliċiment retorika, iżda l-bażi tal-eżistenza tal-partiti politiċi ewlenin.
Għalhekk maqjel.