Fil-waqt li hu tajjeb li d-dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Kap tal-Opposizzjoni dwar ir-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia sar mill-ewwel, sfortunatment ma solva xejn.
Il-Gvern, m’għandix dubju, fehem li kien meħtieġ rimedju immedjat biex b’xi mod jittaffa l-messaġġ negattiv tar-ruling tal-Ispeaker fuq il-kaz Marlene Farrugia/Joe Debono Grech. Għalhekk l-apoloġija bil-miktub minn Joe Debono Grech. Apoloġija li giet 5 ijiem tard.
Id-diskorsi li saru ma tantx kienu ta’ għajnuna biex jasal messaġġ ċar. L-argument ta’ “aħjar tara x’għamilt int” , ma jikkonvinċi lil ħadd illum il-ġurnata. L-anqas it-tidwir mal-lewża, f’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jgħin.
Spiċċajna b’dibatttu bi Gvern jipprova jnaqqas l-impatti negattivi fil-media u l-opinjoni pubblika u Kap tal-Opposizzjoni jipprova jagħsar kemm jiflaħ is-sitwazzjoni għal kull vantaġġ politiku possibli.
It-tagħlima hi waħda għal kulħadd. Tippruvax tiġġustifika l-iżbalji tiegħek (jew tan-naħa tiegħek) billi tkabbar l-iżbalji ta’ ħaddieħor. Kif ukoll, fejn hemm il-problemi, ipprova solvihom, mhux tkabbarhom biex tidher sabiħ int!