Ir-ruling iktar kmieni llum mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar il-battibekk bejn Marlene Farrugia u Joe Debono-Grech fil-Parlament iwassal messaġġ żbaljat.
Il-battibekki fil-Parlament m’humiex xi ħaġa rari. Pero b’daqshekk ma jfissirx li jsiru la aċċettabbli u l-anqas ta’ min jittollerhom.
Marlene Farrugia għandha raġun tħossha offiża mhux daqstant bl-insulti tas-soltu, li wieġbet spirtu pront, imma li l-kliem indirzzat lejha minn Joe Debono Grech “niġi għalik u nifqgħek” ma ġiex mogħti l-importanza li kien jixraqlu.
Il-kliem użat iwassal messaġġ ta’ vjolenza fiżika. L-istess kliem indirizzat lejn diversi nisa imsawwta li jispiċċaw vittma darbtejn: l-ewwel għax jiġu imsawta u wara għax jispiċċaw jingħataw it-tort.
Huwa f’dan is-sens li naħseb li r-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia huwa żbaljat: Marlene Farrugia sfat vittma darbtejn: bl-insult/theddida ta’ Debono Grech u bir-ruling tal-Ispeaker li sfortunatament ma għarafx il-gravità tas-sitwazzjoni.
Il-messagg li wasal hu wieħed ħażin ħafna: li n-nisa li jissawtu hu tort tagħhom.
Għamlet tajjeb Marlene li insistiet li titkellem u għamlet preċiżament dan l-argument.