Id-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA nhar il-Ħamis li għadda hi deċiżjoni li għal darba tagħti każ tar-residenti. Tajjeb li l-MEPA stenbħet, għax sal-lum konna drajna deċiżjonijiet li ftit li xejn jagħtu kaz tan-nies.
Hemm bżonn li jkun dejjem iktar ċar għal kulħadd li l-ħidma ekonomika trid tagħti każ in-nies, għax inkella iktar tagħmel ħsara milli ġid.
Tul is-snin, il-Port Ħieles tħalla jersaq dejjem iktar qrib ir-residenzi. L-impatt tal-istorbju tul 24 siegħa huwa esaġerat f’kull ħin, imma l-iktar matul is-siegħat tal-mistrieħ.
Għalhekk, meta nhar il-Ħamis il-MEPA ma ħallietx li jsir iktar tħammil mal-moll l-iktar viċin tar-residenzi (Terminal 1, West Quay) kienet qed jillimita l-attività ta’ vapuri ta’ daqs ikbar f’żona fejn joħolqu l-iktar impatt negattiv.
Jiena sodisfatt imma sorpriż b’din id-deċiżjoni, u nittama li jkun hemm iktar deċiżjonijiet bħal din. Għax issa li l-MEPA stenbħet ikun xieraq li ma terġax torqod.