Messaġġ żbaljat tal-Ispeaker Anġlu Farrugia

Speaker Anglu Farrugia

Ir-ruling iktar kmieni llum mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar il-battibekk bejn Marlene Farrugia u Joe Debono-Grech fil-Parlament iwassal messaġġ żbaljat.

Il-battibekki fil-Parlament m’humiex xi ħaġa rari. Pero b’daqshekk ma jfissirx li jsiru la aċċettabbli u l-anqas ta’ min jittollerhom.

Marlene Farrugia għandha raġun tħossha offiża mhux daqstant bl-insulti tas-soltu, li wieġbet spirtu pront, imma li l-kliem indirzzat lejha minn Joe Debono Grech “niġi għalik u nifqgħek” ma ġiex mogħti l-importanza li kien jixraqlu.

Il-kliem użat iwassal messaġġ ta’ vjolenza fiżika. L-istess kliem indirizzat lejn diversi nisa imsawwta li jispiċċaw vittma darbtejn: l-ewwel għax jiġu imsawta u wara għax jispiċċaw jingħataw it-tort.

Huwa f’dan is-sens li naħseb li r-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia huwa żbaljat: Marlene Farrugia sfat vittma darbtejn: bl-insult/theddida ta’ Debono Grech u bir-ruling tal-Ispeaker  li sfortunatament ma għarafx il-gravità tas-sitwazzjoni.

Il-messagg li wasal hu wieħed ħażin ħafna: li n-nisa li jissawtu hu tort tagħhom.

Għamlet tajjeb Marlene li insistiet li titkellem u għamlet preċiżament dan l-argument.

 

Issa li l-MEPA stenbħet …………..

alarm clock 2

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-MEPA nhar il-Ħamis li għadda hi deċiżjoni li għal darba tagħti każ tar-residenti.  Tajjeb li l-MEPA stenbħet, għax sal-lum konna drajna deċiżjonijiet li ftit li xejn jagħtu kaz tan-nies.

Hemm bżonn li jkun dejjem iktar ċar għal kulħadd li l-ħidma ekonomika trid tagħti każ in-nies, għax inkella iktar tagħmel ħsara milli ġid.

Tul is-snin, il-Port Ħieles tħalla jersaq dejjem iktar qrib ir-residenzi. L-impatt tal-istorbju tul 24 siegħa huwa esaġerat f’kull ħin, imma l-iktar matul is-siegħat tal-mistrieħ.

Għalhekk, meta nhar il-Ħamis il-MEPA ma ħallietx li jsir iktar tħammil mal-moll l-iktar viċin tar-residenzi (Terminal 1, West Quay) kienet qed jillimita l-attività ta’ vapuri ta’ daqs ikbar f’żona fejn joħolqu l-iktar impatt negattiv.

Jiena sodisfatt imma sorpriż b’din id-deċiżjoni, u nittama li jkun hemm iktar deċiżjonijiet bħal din. Għax issa li l-MEPA stenbħet ikun xieraq li ma terġax torqod.